Lokali

SPARATURA F’ĦAL QORMI: Raġel ferut f’siequ u ieħor arrestat matul il-lejl

Raġel ta’ 56 sena residenti Ħaż-Żabbar sofra ġrieħi ħfief f’siequ wara argument li seħħ matul il-lejl li għadda f’Ħal Qormi u li eskala tant li spiċċa fi sparatura.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-20:00 fi Pjazza San Franġisk, għalkemm jirriżulta li l-Pulizija saru jafu bil-każ ħin wara mill-Isptar Mater Dei malli r-raġel iddaħħal għall-kura b’ferita minn pistola.

Malli daħal dan ir-rapport bdiet tfittxija għall-akkużat, raġel residenti f’Ħaż-Żebbuġ, li ġie arrestat u qed jassisti lill-pulizija fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.

Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija minn Consuelo Scerri Herrera filwaqt lill-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Kylie Borg.