Ewropa Kultura Lokali Unjoni Ewropea

Is-suċċess tal-Valletta2018 jitkejjel bil-legat li se jħalli – Zammit Dimech

Delegazzjoni tal-Kumitat tal-PE dwar il-Kultura tiltaqa' mas-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli

Il-fatt li l–belt kapitali tagħna, il-Belt Valletta, hi l-Kapitali Ewropea għall-Kultura huwa suċċess fih innifsu. Madanakollu, il-Maltin u l-Għawdxin jkunu jistgħu jieħdu l-massimu ta’ din i-l-kisba billi jassiguraw li l-Valletta 2018 mhix biss serje ta’ avvenimenti, iżda investiment li jkun fit-tul.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal dan fi stqarrija fi tmiem iż-żjara f’Malta tad-Delegazzjoni tal-Kumitat tal-Kultura tal-Parlament Ewropew bejn it-Tnejn li għadda u llum. Matul iż-żjara, l-MEPs żaru numru ta’ proġetti kulturali fil-Belt Valletta, li jinkludu d-daħla tal-belt kapitali, iddisinjata mill-perit rinomat Renzo Piano.

Id-delegazzjoni tal-Kumitat tal-PE tal-Kultura żżur il-Parlament ta’ Malta

Francis Zammit Dimech għamel referenza għad-diversi proġetti fil-Belt Valletta li saru minn Gvernijiet Nazzjonalisti matul is-snin, li wasslu għall-akkwist tal-V-18. Fost l-oħrajn, hu semma r-restawr li sar fuq is-swar tal-Belt, ir-restawr fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, it-tnedija tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, u d-daħla grandjuża tal-Belt.

Id-delegazzjoni kellha wkoll laqgħa mas-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli, li matulha ġie diskuss il-monument ta’ tifkira għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-MEP Zammit Dimech emfażizza l-fatt li l-monument tal-Assedju l-Kbir jirrapreżenta l-ġlieda kontra l-ħelsien u l-libertà, u għalhekk hu xieraq li fl-istess post tiġi mfakkra persuna li ġieldet għal-libertà tal-espressjoni.

Konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kumitat tal-Kultura fil-PE
Ritratt: Uffiċċju Parlament Ewropew Malta

Hu rrefera għal kummenti li saru miċ-Chairperson tal-Kumitat, l-MEP Soċjalista Petra Kammerevert, li, meta mistoqsija dwar dan is-suġġett fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum, qalet li dan il-monument għandu mhux biss ifakkar lil Daphne Caruana Galizia għall-ħidma tagħha, iżda wkoll il-libertà tal-espressjoni u li wieħed ikollu opinjoni, li huma valuri importanti għall-Unjoni Ewropea. Hi għamlet referenza diretta għall-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia u qalet li l-Gvern Malti għandu jiprovdi informazzjoni għaliex il-poplu Maltin u Għawdxi qed jistenna li ssir ġustizzja.

Aktar kmieni llum, id-delegazzjoni żaret l-Università ta’ Malta u kellha laqgħa mar-Rettur Prof Alfred J. Vella u l-Pro-Retturi tal-Università. Francis Zammit Dimech qal li matul il-laqgħa, hu emfażizza l-importanza li l-istrutturi ġodda li qed ikunu proposti għall-amministrazzjoni, ma jnaqqsu xejn mill-awtonomija u l-indipendenza li għandha l-Università ta’ Malta llum. Hu insista li r-rimarki tal-Prim Ministru li poġġa l-Università ta’ Malta fuq l-istess livell tal-Università Amerikana ta’ huma assurdi.

“Filwaqt li l-Università ta’ Malta għandha wħud mill-aqwa akkademiċi fid-dinja, bi 11,000 student, il-mistoqsija li kulħadd qed jagħmel dwar l-hekk imsejħa Università Amerikana ta’ Malta hija: min qed jgħallem xiex lil min?” Huwa stqarr li Università mingħajr l-akkademiċi u l-istudenti mhix Università, minbarra l-fatt li issa ġie żvelat ukoll li l-istudenti qed jużaw din l-Università bħala possibbiltà li jidħlu fl-Unjoni Ewropea.