Il-carer li irrappurtat aggressjoni minn pazjent ftit tal-ġimgħat ilu spiċċat ingħatat transfer mill-Isptar Monte Karmeli.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, dan is-sit irrapporta illi professjonisti mediċi li jaħdmu fl-Isptar Monte Karmeli ħelsuha ħafif meta pazjent sar agressiv u ħebb għalihom. Hu saħansitra faqa’ bieb ta’ uffiċċju b’tant saħħa li kisser ukoll biċċiet mill-ħajt.
Dwar din it-tkeċċija il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli Stephen Sultana għadu ma qal xejn. L-ebda reazzjoni anke mill-Ministru Chris Fearne illi żamm il-każ mistur u ma lissen l-ebda kelma dwar dan it-transfer.
Professjonisti li din il-ġimgħa tkellmu mas-sit NETnews.com.mt qalulna illi l-carers u l-infermiera huma imbeżża’ bin-nuqqas ta’ sigurta’ f’Monte Karmeli.
Fortunatament il-professjonalità u l-ħila tal-professjonisti mediċi wasslet biex il-pazjent ikkalmawh huma stess mingħajr konsegwenzi la fuqhom u lanqas fuq is-saħħa tal-pazjent stess.
Dan il-każ segwa dak li seħħ fl-istess ġimgħa, fejn pazjent ieħor qala’ tieqa ta’ kamra tal-banju u ħarab mill-isptar. Sfortunatament, wara jumejn ta’ tfittxija, iż-żagħżugħ instab mejjet.
F’dan l-isptar lanqas biss hemm uffiċjali tas-sigurtà biżżejjed biex ikun hemm uffiċjal f’kull sala, minkejja l-vulnerabbiltà ta’ dawn il-pazjenti. F’ħafna mill-każijiet ta’ agressjoni, ikunu l-professjonisti mediċi li jikkontrollaw lill-pazjent għaliex ma laħaq wasal ħadd mill-istaff tas-sigurtà.
//= $special ?>