Internazzjonali

Berlusconi jgħid li jekk elett, Malta trid tibda tieħu l-immigranti

L-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi qal li ma jistgħax ikun li l-Italja tkompli tieħu l-immigranti kollha li jinġabru fil-Mediterran u Malta trid tibda taċċethom ukoll.

Berlusconi, li hu kap tal-Forza Italia u l-favorit li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tax-xahar id-dieħel, qal dan waqt li kien qed ikun intervistat fuq ir-Rai Tre.

Filwaqt li qal li ma kienx hemm dubju li dawk li jkunu qed jagħmlu l-vjaġġ bil-baħar irid ikunu salvati, l-Italja mhux se tkompli taċċetta li dawn kollha jittieħdu lejn l-Italja. Hu qal li dawk salvati qrib Malta għandhom jibdew jittieħdu hawnhekk.

Berlusconi kellu kliem iebes għall-ftehim li kien sar mill-Gvern preżenti taċ-ċentru xellug fl-Italja biex il-pajjiż jaċċetta l-immigranti kollha salvati fil-Mediterran u żied li jekk hu jkun fil-poter, l-affarijiet kienu se jkunu differenti.

Hu qal li ma jistgħax ikun li l-Italja tkompli ġġorr il-piż kollu waħedha.

L-immigrazzjoni hi tema ewlenija tal-kampanja elettorali Taljana għall-vot li se jsir ix-xahar id-dieħel.

Dan hekk kif barra mill-kosta tal-Libja, il-Frontex bdiet tikkoordina missjoni ġdida mlaqma Themis. Missjoni fejn tneħħa l-obbligu biex l-immigranti salvati jittieħdu lejn l-Italja.

Fil-missjoni ta’ qabel li kienet iġġib l-isem ta’ Triton, dawk li kienu salvati fuq il-baħar kienu jittieħdu l-Italja anke jekk Malta kienet tkun eqreb.

Iżda issa din se tħalli f’idejn min jikkoordina l-ħidma ta’ salvataġġ biex jiddeċiedi hu f’liema pajjiż jittieħdu dawk salvati.

F’Jannar biss fl-Italja waslu 4,256 immigrant bil-baħar.