Sport Sport Ieħor

Duncan Micallef u Yazmin Zammit Stevens l-aqwa sportivi tas-sena 2017

Duncan Micallef u Yazmin Zammit Stevens ġew ivvutati bħala l-aqwa sportiv u sportiva tas-sena 2017 rispettivament waqt it-it-58 edizzjoni ta’ Sport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali.

Is-serata, li tkun organizzata mill-Għaqda Ġurnalisti Sports u SportMalta, tippremja l-kisbiet sportivi matul is-sena 2017. L-atleta paralimpika Giusy Versace kienet il-mistiedna speċjali tal-edizzjoni ta’ din is-sena.
Matul is-sena li għaddiet is-sewwieq Micallef rebaħ tliet rawnds konsekuttivi waqt l-FIA European Top Fuel Drag Racing Championships sabiex b’hekk ġie inkurunat champion Ewropew.

Proprju ftit jiem ilu Micallef stess ikkonferma li ser jkun qiegħed jerġa’ jikkompeti fil-Kampjonat li rebaħ sena ilu. Għal Micallef din hi t-tieni sena konsekuttiva li rebaħ l-unur tal-aqwa sportiv tas-sena.

Il-weightlifter Yazmin Zammit Stevens ikkwalifikat għal-Logħob tal-Commonwealth u rebħet l-ewwel midalja tad-deheb fl-istorja f’kompetizzjoni internazzjonali. Fl-Open ta’ Llubljana rebħet il-midalja tal-fidda u kisret diversi rekords nazzjonali. Zammit Stevens kienet ukoll l-ewwel weightlifter mara li rrapreżentat lil Malta f’kompetizzjoni Ewropea tas-seniors u spiċċat fil-15-il post.