Futbol Sport

FA TROPHY: Valletta fis-semifinali b’kumdità

Keane Cutajar

VALLETTA……………………………………2
ŻEJTUN C………………………………….0

It-tim tal-kapitali meritatament niżżel ismu fost is-semifinalisti tal-FA Trophy wara wirja konvinċenti u rebħa komda ta’ 2-0 fuq it-tim tal-Ewwel Diviżjoni, Żejtun Corinthinas.

Interessanti l-fatt li fit-tim ta’ Żejtun kien hemm bosta plejers li bdew il-karriera tagħhom ma’ dak ta’ Valletta. It-tim tal-Belt ħareġ b’formazzjoni b’saħħitha, simili ħafna għal dik li normalment tintuża fil-kampjonat, bid-differenza li Steve Borg libes il-faxxa tal-captain.

L-eks plejer ta’ Floriana fost oħrajn, illum kowċ ta’ Żejtun, Alan Mifsud, kien sfurzat jagħmel żewġ sostituzzjonijiet fl-ewwel taqsima minħabba injuries.

Kif mistenni, It-tim ta’ Danilo Doncic ħareġ fuq l-offensiva u wara żewġ minuti minn korner ta’ Miguel Alba, Juan Gill Cruz ra d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata minn Dunstan Zarb.

Fl-24 minuta Alba xeħet kross perikoluż fil-kaxxa ż-żgħira li għadda minn fuq id-difensuri u spiċċa f’saqajn Denni Rocha Dos Santos li għamel l-impossibli u minn quddiem il-lasta waħdu mall-gowlkiper tefa barra.

Għaddiet biss minuta u Valletta marru minn fuq permezz ta’ Kyrian NWOKO li minn barra l-kaxxa dawwar it-tentattiv tiegħu fir-rokna tax-xibka.

Hekk kif qabżu n-nofs siegħa logħob, Miguel Alba venven ċentrali lejn il-lasta iżda Zarb imblokka tajjeb.
Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima, hekk kif Valletta kienu momentarjament b’għaxra, Żejtun ħarġu tajjeb bil-kontrattakk bix-xut finali ta’ Brooke Farrugia minn pożizzjoni ċentrali barra l-kaxxa jgħaddi għoli.

Valletta fetħu t-tieni taqsima fuq l-offensiva u b’xutt mil-lemin, Michael Mifsud kien imċaħħad minn Zarb fit-48 minuta.

Il-Beltin għamluhom tnejn fis-70 minuta meta freekick perfett mix-xellugg ta’ Alba wasal għand il-captain tal-ġurnata Steve BORG li bir-ras fuq il-ġirja tefa’ ġewwa u tefa’ lill-partitarji f’dillirju ta’ ferħ.
Tmien minuti wara Zarb niżel fil-baxx biex dawwar f’korner il-freekick dirett ta’ Denni.

Fit-83 minuta s-sostitut Gianluca Sultana ttanta xortih minn pożizzjoni ċentrali barra l-kaxxa iżda ma ħoloq l-ebda problemi għal Henry Bonello li għalkemm ma tantx kien impenjat matul il-kors tal-partita xorta waħda kien attent.

Valletta kkontrollaw il-kumplament tal-partita u għalqu tajjeb bil-pusses f’saqajhom.