Lokali

David Casa mhedded minn Manuel Mallia; L-MEP jwiegeb li xejn mhu se jwaqqfu biex toħroġ il-verità

“Jien lest li anke niġi arrestat biex toħroġ il-verita” Sostna dan il-Membru Parlamentari Ewropew u Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa. Hu qal dan f’kumment fuq il-media soċjali b’reazzjoni għat-theddid li għamel fil-konfront tiegħu d-deputat Laburista Manuel Mallia.

Dalgħodu qabel tkellem il-mexxej Laburista Joseph Muscat fil-każin laburista ta’ Ħal Qormi, Manuel Mallia hedded li min jaħdem biex joħroġ ir-rapport mill-FIAU dwar każi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus minn persuni li huma politikament esposti, jkun qed jagħmel u jkun kompliċi ta’ delitt kriminali.

Manuel Mallia qal dan id-diskors wara li l-MEP David Casa, t-Tnejn filgħodu se jippreżenta taħt ġurament l-provi li l-FIAU kkonkludiet rapport f’Marzu tas-sena l-ohra li jinkludi dettalji ta’ skemi, sistemi, imġieba u kollużjoni f’korruzzjoni u ħasil ta’ flus li jinvolvu uffiċjali fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti. Ir-rapport hu dwar il-Ministru Konrad Mizzi.

Minn naħa tiegħu l-MEP David Casa qal l-kliem li qal Manuel Mallia hu inaċettabbli u ta’ kundanna aktar u aktar meta dan kien Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija u minflok jara li toħroġ il-verita’ f’każi gravi ta’ korruzzjoni ta’ gvern Laburista qed jgħatti dawn il-prattiċi kriminali.

Il-gazzetta il-mument minn naħa tagħha kompliet tiżvela kif l-FIAU investigat b’mod dettaljat id-dikjarazzjonijiet finanzjarji magħmlua mill-Ministru Konrad Mizzi fil-Parlament u li waslet għall-konklużjoni li dawn ma jaqblux mal-assi veri li għandu l-Ministru Konrad Mizzi.