Lokali

Eroj: Jidħol isalva lill-ġirien min-nar u jmut bid-duħħan, l-għada t’għeluq sninu

Gordon Spiteri, l-eroj ġuvni ta' 35 sena - li tilef ħajtu traġikament biex isalva lill-ġirien

Gordon Spiteri tilef ħajtu traġikament kmieni dalgħodu hekk kif faga fid-duħħan, dan wara li nirien ħakmu appartament li jinsab fl-istess blokka tiegħu. Il-ġuvni ta’ 35 sena nstab fil-komun tal-binja tal-appartamenti f’Marsaskala mill-Membri tal-Protezzjoni Ċivili, fejn ittieħed l-isptar Mater Dei – u hemm ġie ċċertifikat mejjet.

Is-Sibt, Gordon iċċelebra l-għeluq tal-35 sena tiegħu, fejn ftit sigħat wara tilef ħajtu. Gordon kien jaħdem fi sptar privat, u wkoll kien il-fustani minn tliet aħwa. Sfortunatament il-familja Spiteri ftit taż-żmien ilu ġarrbet it-telfa ta’ missier Gordon ukoll.

Nies li kienu qegħdin fuq il-post ikkonfermaw ma’ NET News, li Gordon Spiteri ddedika l-aħħar nifsijiet tiegħu mhux biex isalva lilu nnifsu u joħroġ mill-binja appartamenti – iżda minflok prova jsalva lill-ġirien tiegħu mill-appartament li minnu beda n-nar. Ta’ min jinnota li Gordon kien joqgħod fis-sular ta’ fuq tal-appartament fejn ħa n-nar.

Għalhekk, Gordon qed jisejjaħ eroj – hekk kif ta ħajtu fl-eta ta’ 35 sena, biex isalva lill-ħaddieħor fil-bżonn.

Bosta fuq il-midja soċjali ssuġġerew li Spiteri jiġi rikonoxxut għall-ġest li għamel, b’uħud jissuġġerixxu li t-triq tissemma għalih waqt li oħrajn saħansitra appellaw sabiex jingħatalu unur wara mewtu.

Gordon Spiteri

In-nirien ħadu għall-ħabta tal-5.30 ta’ filgħodu – fejn skont stqarrija tal-Pulizija jirriżulta li n-nirien bdew mill-kamra tas-sodda għal xi raġuni. Minbarra t-telfa traġika ta’ Gordon, sitt persuni ttieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura wara li huma wkoll belgħu d-duħħan – li fosthom hemm tarbija ta’ sentejn. Madanakollu, s’issa għadha mhux magħrufa il-kundizzjoni tiegħu.

Ara r-ritratti hawn taħt:

Aqra aktar dettalji dwar din l-istorja traġika fl-artikli t’hawn taħt:

Ġuvni jmut wara li bela duħħan min-nirien ta’ appartament ieħor

“Kompli hu ħsiebi kif dejjem għamilt” – Oħt Gordon Spiteri

FILMAT: Ġara ta’ Gordon Spiteri titkellem dwar in-nirien fl-appartamenti