Lokali

Ġuvni jmut wara li bela duħħan min-nirien ta’ appartament ieħor

Sitt persuni oħra jittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura

Dalgħodu, ġuvni ta’ 35 sena tilef ħajtu traġikament wara li bela ħafna duħħan – dan wara li nirien ħakmu appartament ieħor li jinsab fl-istess binja f’Marsaskala. L-inċident seħħ fi Triq l-Aħmar għall-ħabta tal-5.30 ta’ filgħodu, fejn l-appartament li jinsab fir-raba’ sular ħa n-nar.

Nies fuq il-post li tkellmu ma’ NET News qalu li aktarx il-ġuvni miet wara li prova jgħin lill-ġirien li kienu qegħdin fl-appartament li minnu beda n-nar.

Jidher li għal xi raġuni l-inċident bin-nar beda minn kamra tas-sodda għall-ħabta tal-5.30 ta’ filgħodu. Mal-ewwel fuq il-post waslu uffiċjali tal-Pulizija, iżda hekk kif indunaw li kien hemm in-nirien f’appartament sejħu għall-assistenza – u waslu fuq il-post numru ta’ ambulanzi u membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw in-nirien.  Sfortunatament il-ġuvni ta’ 35 sena instab mixħut mal-art fil-komun tal-blokka tal-appartamenti.

Skont informazzjoni li kiseb NET News, jidher li familja fil-binja li kienu joqgħodu fil-penthouse, minflok niżlu bit-taraġ jew bil-lift f’dan il-mument ta’ paniku – il-koppja li kellha t-tifel ta’ sentejn magħha, qabżu l-bjut biex ikunu jistgħu jaħarbu mid-duħħan u n-nirien.

L-ambulanza ħadet lill-ġuvni l-isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat mejjet. Fejn aktar il-ġuvni ġie identifikat bħala Gordon Spiteri. Aqra aktar hawn:

Eroj: Jidħol isalva lill-ġirien min-nar u jmut bid-duħħan, l-għada t’għeluq sninu

Minbarra r-raġel li tilef ħajtu, sitt persuni oħra li fosthom hemm tifel ta’ sentejn, u li kienu qegħdin fl-istess binja tal-appartamenti, ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura.

Il-Ministeru tas-Saħħa waqqaf helpline fuq 2545 0000.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Il-blokka ta’ appartamenti fi Triq l-Aħmar, Marsaskala (Google Street View)