Lokali

Żewġ Pulizija kienu lesti jidħlu fin-nar biex isalvaw lil sidt l-appartament li nħaraq

Żewġ Pulizija mill-Għassa ta’ Marsaskala kienu l-ewwel fil-post tal-inċident li seħħ kmieni dalgħodu fejn appartament fi Triq Ħamra, f’Marsaskala, inqered min-nirien waqt li ġar miet kawża tad-duħħan li bela’.

Malli daħal ir-rapport fl-Għassa, Surġent u Kuntistabbli marru minnufih fuq il-post fejn innutaw duħħan ħiereġ minn gallarija u dehru wkoll xi persuni fl-aħħar sular li ma setgħux jinżlu minħabba d-dħaħen.

Mingħajr ma ħasbuha darbtejn PS 692 O.Pace u PC1038 A.Zammit daħlu fil-blokka fejn qalb id-dħaħen u l-istorbju qawwi li kien hemm beda jinstema leħen ta’ persuna li beda jindika li ma setgħax joħroġ.

Wara diversi tentattivi sabiex jippruvaw jitilgħu, minħabba l-ammont ta’ duħħan li kien hemm, il-Pulizija ma kellomx għazla oħra ħlief li joħorgu mill-post. Dan waqt li membri mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit assistew lil familja b’tifel ta’ sentejn li nqabdet fuq il-bejt u tniżżlu minn blokka fil-vicin.

Xi ħin wara l-membri tal-Protezzjoni Ċivili waslu fil-post u bdew bl-intervent tagħhom sabiex jiġu kkontrollati n-nirien kif ukoll tim mediku assista lill-persuni.