Lokali

FILMAT: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jiddefendi d-drittijiet tal-poplu Malti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ kawża biex l-istparijiet jerġgħu isiru tal-poplu Malti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ kawża l-Qorti biex il-poplu Malti jingħata l-isptarijiet lura. Adrian Delia fetaħ din il-kawża bl-appoġġ sħiħ tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, fejn quddiem il-Qorti spjega li fid-29 ta’ Jannar il-Partit Nazzjonalista ppreżenta protest ġudizzjarju fejn kien talab u ġibed l-attenzjoni tal-Gvern dwar dak li qed isir fir-rigward tal-bejgħ tal-isptarijiet ta’ San Luqa, Karin Grech  u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-kumpanija Vitals Global Healthcare.

Adrian Delia tenna li fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista staqsa għal diversi drabi dwar l-isptarijiet, partikolarment għand min marru l-isptarijiet tagħna, u min huma s-sidien ta’ din il-kumpanija li l-Gvern ta s-settur tas-saħħa Malti. Iżda għal dawn il-mistoqsijiet l-Ministru Chris Fearne u l-Ministru Edward Scicluna ma tawx risposta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia stqarr li dawn huma mistoqsijiet ta’ relevanza nazzjonali, iżda għadhom bla risposta. Madanakollu, Adrian Delia stqarr li nafu hu li l-Gvern għamel kuntratt mal-Vitals Global Healthcare u fuq dan il-kuntratt kien hemm  obbligi li fi tliet snin kellu jħallas lil din il-kumpanija, iżda l-poplu Malti ma ħa xejn lura minn dan l-investiment. Adrian Delia stqarr li hu għandu r-responsabilita’ bil-liġi li meta l-propjeta’ hi tal-poplu Malti jista’ jiddefendiha – u għalhekk qed jagħmel dak kollu possibli biex inġibu l-isptarijiet tagħna lura, u dan lest li jagħmlu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li dan kien kuntratt ta’ bejgħ skandaluż u li kien magħmul biex ifalli ma’ nies li ma nafux.

Għalhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ kawża biex il-kuntratt tal-bejgħ ta’ dawn l-isptarijiet jiġi annullat, u l-istparijiet jerġgħu isiru tal-poplu Malti.

Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Edward Debono. Il-kawża mistennija tinstema’ mill-Imħallef Silvio Meli.