Lokali

Priġunier li għandu kundizzjoni fil-kliewi se jkollu jistenna sax-xahar id-dieħel

Christopher Bartolo, li għandu kundizzjoni serja fil-kliewi u talab il-ħelsien mill-Ħabs minħabba li saħħtu qed tmur lura, se jkollu jistenna għat-8 ta’ Marzu wara li l-kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali kienet differita wara li wieħed mit-tliet Imħallfin kien indispost.

Bartolo ta’ 36 sena mill-Fontana Għawdex, jinsab fi ġlieda kontra l-ħin hekk kif il-kundizzjoni tiegħu qiegħda tmur lura. Minbarra l-każ quddiem il-Qrati, Bartolo għamel petizzjoni wkoll għall-intervent tal-President ta’ Malta.

F’April li għadda, Christopher Bartolo kien ikkundannat ħames snin ħabs u mmultat €15,000 wara li ammetta traffikar ta’ 1.5 kilogrammi ta’ droga kannabis. It-talba għal ħelsien mill-arrest minħabba l-kundizzjoni prekarja tiegħu ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Appell.

L-Avukati ta’ Bartolo fetħu kawża Kostituzzjonali fejn kien allegat ksur tad-dritt ta’ smiegħ xieraq minħabba li ma kellux avukat jassistih waqt li kien interrogat mill-Pulizija. L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima sabet li kien hemm ksur ta’ dan id-dritt u ordnat li bħala rimedju, hu seta’ jbiddel it-tweġiba għall-akkużi minn ħati għal mhux ħati.

Madanakollu, l-Avukat Ġenerali appella għal din is-sentenza u l-każ kellu jinstema’ llum.

Sadanittant, f’Diċembru li għadda, intbagħtet ittra lill-President ta’ Malta fejn talab li jingħata ħelsien mill-arrest. Madanakollu, sa issa ma kienx hemm risposta mill-Uffiċċju tal-President fejn qed jingħad li l-President Marie Louise Coleiro Preca qed tistenna parir mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.

Sadanittant, filwaqt li l-proċess legali għadu għaddej, espert mediku eżamina mill-ġdid lil Christopher Bartolo fejn iċċertifika li saħħtu marret lura minn kemm ilu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għal Bartolo.