Internazzjonali

Ifittxu għall-mirdumin taħt muntanja ta’ skart fil-Mozambique

L-iskwadri għall-emerġenza f’Maputo, il-kapitali tal-Mozambique, qed ifittxu għal aktar katavri wara li tal-anqas 20 persuna, fosthom tfal, tilfu ħajjithom taħt ‘muntanja ta’ skart’ li ċediet għal fuqhom.

Il-munzell ta’ skart enormi krolla fost inżul ta’ xita qawwija, bir-riżultat li numru ta’ nies intradmu ħajjin. Dan meta s-sit għall-iskart, fid-distrett ta’ Hulene (ta’ Maputo), kien qed iservi bħala ‘ċentru’ għal uħud mill-aktar residenti fqar ta’ Maputo li bnew speċi ta’ kampijiet fost l-oġġetti mormija.

Ir-rapporti minn Maputo qalu wkoll li fid-diżastru, tal-anqas ħames djar fix-xifer ta’ dik iz-zona spiċċaw ‘mgħaffġin taħt l-iskart’, bit-tfittxija għan-nies mirduma kapaċi tkompli għat-tul taż-żmien.

L-awtoritajiet f’Maputo qalu li huma, qabel, kienu talbu lir-residenti fiz-zona partikulari biex jitilqu ‘għaliex id-djar tagħhom kienu mibnija illegalment’.