Lokali

L-Ex Direttur tal-FIAU: “Malta bgħatet messaġġi li reati finanzjarji ma jiġux ikkastigati”

Waqt konferenza organizzata mill-‘Malta Institute of Accountants’ kontra l-ħasil ta’ flus, l-Ex Direttur tal-FIAU, Manfred Galdes, wissa li Malta kienet qed tibgħat messaġġi li reati finanzjarji serji ma kinux qed jiġu kkastigati u kellu jsir iktar sabiex jiġu identifikati l-assi kriminali. F’Malta, it-traċċi tal-assi sar billi ntbgħatet notifika lil banek u istituzzjonijiet finanzjarji biex jingħataw lista ta’ assi meta l-aħħar ħaġa li persuna kriminali tagħmel tkun li tiddepożita f’kont bankarju.

Matul id-diskors tiegħu, Galdes irrefera għal bosta nuqqasijiet fosthom kif il-ħasil ta’ flus għandu jiġi investigat bħala reat minnu nnifsu u mhux bħala parti minn investigazzjoni ta’ drogi jew traffikar ta’ persuni.

Hu rrefera ukoll għar-rapport imħejji mill-Membri tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, li skontu ma tantx għamel ġid lil pajjiżna. Galdes semma kif is-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus f’pajjiżna għadha relattivament baxxa u li l-bord tal-kontabilità għandu jkun iktar involut u jgħin lill-FIAU meta accountants u awdituri ma jkunux konformi mal-liġi.

Manfred Galdes irriżenja mill-FIAU fl-2016 wara li l-FIAU beda jinvestiga liċ-Chief of Staff tal-Prim Minsitru u lill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi.