Lokali

Il-Ħofra tal-Vitals f’Għawdex: Fejn marru l-€50 miljun li l-Gvern ta lil Vitals?

Il-Ministru Konrad Mizzi u dawk viċin tiegħu li mexxew in-negozju ma’ Vitals jibqgħu ma jafux jistħu quddiem dan il-falliment antiċipat... dan filwaqt li qed ikomplu jippersistu u jikbru l-ilmenti tal-pazjenti dwar dewmien, għaġla fl-użu tas-sodod u għoti ta’ appuntamenti għal ħafna xhur wara

Il-ġurnal in-Nazzjon illum ippubblika r-ritratt tal-ħofra kbira li l- Vitals Global Healthcare għamlu biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex suppost isir investiment għat-titjib tas-servizzi tas-saħħa f’Għawdex.

Ix-xogħol fuq din il-ħofra waqaf ħesrem hekk kif il-kuntratturi involuti inġibditilhom l-attenzjoni li flus aktar x’jitħallsu ma kienx hemm u jekk riedu jkomplu jaħdmu kien biss b’deċiżjoni tagħhom.

Mhux biss, iżda fl-aħħar jiem sar magħruf ukoll li l-kumpanija Vitals Global Healthcare hi ‘teknikament falluta’ u l-istat finanzjarju tagħha hu wieħed diżastruż, tant li fil-bidu ta’ din is-sena ma kenitx kapaċi tħallas il-pagi tal-impjegati tagħha.

Jirriżulta fil-fatt li l-85 uffiċjal għoli u ħaddiema tal-kumpanija setgħu  jitħallsu l-pagi dovuti biss wara li Steward Health Care, il-proprjetarji l-ġodda, ħallsu l-flus u xtraw it-tliet sptarijiet tal-Gvern: dawk ta’ San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Kollox ra d-dawl tax-xemx f’Jannar li għadda meta l-ħaddiema kienu infurmati li l-kumpanja ma kienx fadlilha flus xi tħallas għall-pagi. U dan jistogħna aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li l-kumpanija Vitals kienet ingħatat mal-€50 miljun fi ħlasijiet u f’sussidju mill-Gvern Malti.

Minn dawn il-flus kollha li l-Gvern għadda lil Vitals Global Healthcare, pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi ma ħadu assolutament xejn… għajr din il-ħofra f’Għawdex li llum qed nippublikaw ir-ritratt tagħha.

Din il-ħofra hi l-uniku kumpens li l-Vitals taw lill-poplu Malti u Għawdxi minkejja li fi spazju ta’ ftit snin xorbu mingħand il-Gvern xejn inqas minn €50,000 li ħadd ma jaf x’sar minnhom u fejn intefqu.

L-iskandlu Vitals hu bla dubju ta’ xejn dell ieħor tqil mhux biss fuq il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat – li kemm-il darba sfaċċatament ħareġ għonqu biex jiddefendi dan in-negozju mimli mistoqsijiet – iżda aktar u aktar fuq il-Ministru Konrad Mizzi li diġà hu mdawwar b’ħafna skandli.

Ripetutament mill-2015 ’l hawn bosta kienu dawk li talbu lill-Gvern, b’mod serju, trasparenti u imparzjali, jinvestiga dan in-negozju mal-Vitals li ma għandhom l-ebda esperjenza fil-qasam mediku.

L-insistenza dejjem tikber hi biex issir investigazzjoni serja ħalli twassal biex ikunu magħrufa l-veri fatti tan-negozju tal-Gvern mal-Vitals u li permezz tiegħu sar il-bejgħ tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Hu sigriet apert li l-mod kif ġraw l-affarijiet biex ingħatat il-konċessjoni lil Vitals iqajjem dubji kbar dwar il-passi tal-Gvern biex jipprevjeni l-korruzzjoni.

Il-fatt li dan il-ftehim iħalli impatt fuq settur tant importanti f’Malta – is-saħħa pubblika u d-drittijiet tal-pazjenti – issa wassal ukoll biex il-kwistjoni titressaq quddiem  il-Kummissjoni Ewropea ħalli tuża r-riżorsi neċessarji biex tanalizza d-dettalji kollha ta’ dan il-ftehim.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista mar il-Qorti biex jipprova jwaqqaf dan in-negozju jinten.

Fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia stess, din il-kawża fil-Qorti nhar it-Tnejn li għadda saret bl-iskop preċiż li l-poplu Malti jingħata t-tliet sptarijiet lura.

Adrian Delia fetaħ din il-kawża bl-appoġġ sħiħ tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

FILMAT: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jiddefendi d-drittijiet tal-poplu Malti

Ta’ min ifakkar kif fid-29 ta’ Jannar li għadda, il-Partit Nazzjonalista kien diġà ppreżenta Protest Ġudizzjarju fil-Qorti fejn talab u ġibed l-attenzjoni tal-Gvern dwar dak li qed isir fir-rigward tal-bejgħ tal-isptarijiet ta’ San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-kumpanija Vitals Global Healthcare.

F’kumment, Adrian Delia fisser li iżda bħalma għamel fil-Parlament, ħadd mill-Gvern ma wieġeb għall-Protest Ġudizzjarju. Il-fatt li Vitals ma onorawx l-obbligi kuntrattwali kien jirrappreżenta opportunità tad-deheb għall-Gvern biex jieħu l-isptarijiet lura f’idejh.

Adrian Delia stqarr li hu għandu r-responsabbiltà bil-liġi li meta l-proprjetà hi tal-poplu Malti jista’ jiddefendiha – u għalhekk qed jagħmel dak kollu possibbli biex inġibu l-isptarijiet tagħna lura, u dan hu lest li jagħmlu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li dan kien kuntratt ta’ bejgħ skandaluż u li kien magħmul biex ifalli ma’ nies li ma nafux.

Ta’ min ifakkar li l-Gvern kien wiegħed li bil-bejgħ tat-tliet sptarijiet lil Vitals Global Healthcare kien se jtejjeb aktar is-servizzi tas-saħħa fil-gżejjer Maltin. Fil-verità, illum hawn qbil b’mod ġenerali li fl-aħħar snin, is-servizzi tas-saħħa marru lura. Xhieda ta’ dan huma d-dewmien fil-kura lill-pazjenti, l-appuntamenti mogħtija għal bosta xhur wara li l-pazjent ikun għamel il-vista medika, kif ukoll l-għaġla sfrenata biex is-sodod ikunu żvojtati mill-pazjenti.

Saħansitra nhar il-Ħadd stess, kulmin kien qiegħed jistenna fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei dam bosta sigħat jistenna bil-pazjenti jilmentaw li dan ma kienx servizz xieraq għalihom.

Mhux biss, iżda t-tobba mgħobbija b’ħafna piż, qed ikunu kostretti ma jagħtux attenzjoni personalizzata lill-pazjenti minħabba l-pressjoni kbira li qed issirilhom biex ifittxu ‘jeħilsu’ mill-pazjenti fl-iqsar żmien possibbli.