Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jiddefendi l-verità kontra l-ispin; Ħadd mhu se jagħmillu sarima ma’ ħalqu

L-istejjer qarrieqa minbija fuq allegazzjonijiet anonimi fuq Twitter, li qed jipprovaw jagħtu l-impressjoni li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandu xi kunflitt ta’ interess jew xi sarima ma’ ħalqu, huma sempliċement fabbrikazzjoni malizzjuża. Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija li ħareġ biex jiddefendi l-verità.

F’Malta hawn mijiet ta’ trusts skont il-liġi, legali u leġittimi. Aequitas Trust, hija biss waħda minnhom. Din it-trust għandha share wiehed f’kull waħda miż-żewġ kumpaniji li huma s-sidien ta’ Tradexec, li hija kumpanija li tagħti servizz lill-kumpaniji bħal Gasol fost l-oħrajn. Din kif inhi l-prassi standard li jimxi magħha kull min hu liċenzjat mall-MFSA: liema liċenzja tingħata wara proċess rigoruż ta’ due diligence. Aequitas Trust għaddiet minn dan il-proċess ta’ due diligence bħal kumpaniji serji oħra.

Il-verità hi, li kontra kull impressjoni li setgħet inagħtat, Adrian Delia qatt ma’ kien fuq il-bord tal-kumpanija Tradexec, li tat servizz billi ġabret il-finanzjament għall-Gasol, u għalhekk Dr Delia ma’ kienx jaf dwar il-ħruġ ta’ bonds f’isem Gasol.

Dr Adrian Delia m’għandu l-ebda kunflitt ta’ interess u ħadd m’għamillu jew se jagħmillu xi sarima ma’ ħalqu biex iżommu milli jikkritika dak li jħoss li huwa ħażin. Dan diġà ta’ prova tiegħu bil-ftuħ tal-kawża kontra Vitals, mozzjonijiet fil-Parlament u sejħa għal riżenji fosthom dik tal-Kummisarju tal-Pulizija.

Adrian Delia qabel daħal fil-politika u bħala ċittadin privat kien parti minn kumpanija ta’ avukati li offrew servizzi leġittimi u liċenzjati lil diversi ċittadini u kumpaniji privati oħra. Xogħol leġittimu, onest u liċenzjat ta’ professjonist m’għandu qatt ikun skuża sabiex jeskludu u jipprojbixxi lil xi ċittadin milli jservi fil-politika.