Sport Waterpolo

WATERPOLO – MALTA V BELARUS: Karl Izzo bl-istess skwadra tal-LEN Cup

It-Tlieta filgħaxija saret l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq wara li t-tim nazzjonali Malti tal-Waterpolo rritorna lura Malta wara l-impenji fil-Len Cup fi Split il-Kroazja.
B’kollox, 12-il plejer kienu preżenti għat-taħriġ hekk kif Stevie Camilleri, li jilgħab fil-Kampjonat Taljan tal-A2 kien fl-azzjoni fid-derby kontra Roma 2017 Arvalla u ngħaqad mat-tim llum meta l-plejers ikunu diġa’ vvjaġġaw lejn Minsk il-Belarus.

Il-kowċ nazzjonali Karl Izzo (fir-ritratt) kkonferma li se jieħu miegħu l-istess 13-il plejer li kienu fi Split. It-tim Malti dan l-aħħar ħa sehem fil-LEN Europa Cup li saret fil-Kroazja.

It-13-il plejer imsejħa għall playoff fuq żewġ legs kontra l-Belarus huma Jake Tanti, Niki Grixti, Nicholas Bugelli, Zach Mizzi, Aurelein Cousin, Stevie Camilleri, Jordan Camilleri, Jeremy Abela, Matthew Zammit, Dino Zammit, Andreas Galea, Ben Plumpton u Darren Zammit.

Il-playoff se tkun qed tintlgħab fuq ż-żewġ legs bit-tieni leg isir f’Malta nhar is-Sibt 3 ta’ Marzu.
Min jirbaħ b’aggregate ta’ gowls jikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew tal-waterpolo tal-LEN li se jsir f’Barċellona bejn l-14 u t-28 ta’ Lulju.

Jekk Malta tikkwalifika din tkun it-tieni darba konsekuttiva hekk kif Malta kienet ikkwalifikat ukoll għall-Kampjoant Ewropew ta’ sentejn ilu li kien sar fis-Serbja.