Kunsilli Lokali Lokali

FILMAT: Il-PN b’rikors fil-Qorti biex ir-rieda tal-poplu f’San Pawl il-Baħar tkun rispettata

Il-Partit Laburista qed jipprova jaħtaf u jisraq il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar

Il-Partit Nazzjonalista preżenta formalment rikors il-Qorti biex jibda jinstema’ l-każ dwar il-mod kif il-Partit Laburista jrid jisraq il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar mir-rieda tal-poplu billi jpoġġi Sindku Laburista flok Sindku tal-Partit Nazzjonalista.

Il-liġi tal-Kunsilli Lokali tistipola b’mod ċar dwar x’għandu jsir f’każ li jkun hemm riżenja ta’ Sindku, fejn tgħid li l-post ta’ Sindku għandu jimtela’ minn dik il-persuna tal-istess partit li fl-aħħar elezzjoni tkun ġabet l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel għadd wara s-Sindku li jkun qed jispiċċa mill-kariga. Minflok, il-Partit Laburista jrid ipoġġi Sindku Laburista.

Wara li fil-bidu ta’ Frar il-Qorti kienet laqgħat mandat ta’ inibizzjoni preżentat mill-Partit Nazzjonalista biex il-Partit Laburista jitwaqqaf milli jagħmel dan, issa, l-Partit Nazzjonalista preżenta rikors biex il-każ jinstema’ b’mod formali u biex il-Qorti tkun tista’ tieħu deċiżjoni finali.

Wara li ġie preżentat ir-rikors, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal, f’kummenti li ta lil NET News li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dan kollu biex jiddefendi l-interessi tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar li fl-aħħar elezzjoni eleġġew ir-rappreżentanti tagħhom, u li taw maġġoranza ċara lill-Partit Nazzjonalista. Żied jgħid li din il-maġġoranza qed jipprova jaħtafha l-Partit Laburista billi japplika interpretazzjoni żbaljata tal-liġi. “Ma kellniex triq oħra ħlief li nassiguraw li l-ġustizzja sseħħ”, temm jgħid Clyde Puli waqt li sostna li l-Partit Nazzjonalista għad għandu fiduċja fil-Qrati Maltin.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar qal li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fl-aħħar snin ra ħafna tfixkil, b’maġġoranza Nazzjonalista li ma tħallietx taħdem fl-interess tal-komunità kollha. Hu qal li din il-kawża qed issir għax il-Partit Nazzjonalista dehrlu li kellu jissalvagwardja l-interessi tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

Clyde Puli u Robert Cutajar kienu akkumpanjati mill-Avukat Errol Cutajar, li spjega li wara li l-Qorti laqgħet il-mandat ta’ inibizzjoni, issa kien imiss li jitressaq dan ir-rikors biex b’hekk, il-Qorti tagħti sentenza permanent. “Il-liġi teżiġi li wieħed mhux biss jagħmel il-mandat, iżda jagħmel ukoll il-kawża fil-mertu sabiex il-Qorti tagħti s-sentenza, u biex fil-Kunsill Lokali tiġi applikata l-liġi kif suppost”, spjega Errol Cutajar waqt li fisser kif il-pass li jmiss huwa li jibdew jinstemgħu ix-xhud u eventwalment ikun hemm is-sentenza finali.