Edukazzjoni Lokali

Wara li ħadmu sajf sħiħ… qed jitolbuhom il-flus lura

Għalliema u studenti mitluba jħallsu mijiet ta' ewro lura lill-Gvern minħabba "żball tekniku"

Żgħażagħ, għalliema u studenti li qattgħu sajf sħiħ jaħdmu fi Skola Sajf, inħasdu meta fil-jiem li għaddew irċevew ittra fejn intalbu jħallsu lura lill-Gvern parti mill-paga li rċevew għax-xogħol tagħhom.

Fl-ittra, mibgħuta mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES), huma ġew infurmati li l-ħlas kien qed jintalab lura minħabba “żball tekniku” ikkawżat mis-sistema elettronika tal-payroll – jiġifieri s-sistema li tikkalkula l-pagi u s-siegħat tal-leave.

Imma l-“iżball tekniku” tal-Fondazzjoni jfisser li għexieren, jekk mhux mijiet ta’ persuni jridu jħallsu mijiet ta’ ewro kull wieħed lura lill-Gvern. Hemm min irċieva kont ta’ €50, hemm min irċieva kont ta’ €60 filwaqt li oħrajn irċevew kontijiet ferm akbar – saħansitra kważi qrib it-€300.

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi kull sena tingaġġa numru ta’ għalliema u studenti terzjarji biex jgħallmu fi Skola Sajf u Klabb 3-16. Ġeneralment, dawn jintalbu jaħdmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa minn filgħodu sa kmieni waranofsinhar. Imma wara ġimgħat u xhur ta’ ħidma, ħafna qed jintalbu jħallsu lura dak li ħadmu għalih. Dan apparti numru ta’ għalliema oħra li ma jaħdmux fis-sajf biss, iżda matul is-sena kollha f’programmi differenti li toffri l-FES.

Għalkemm jidher li ħafna minn dawk milquta huma persuni li ħadmu matul is-sajf, mhux eskluż li ntlaqtu wkoll għadd kbir ta’ persuni oħra li ħadmu mal-FES matul is-sena li għaddiet kollha. Filfatt, fl-ittra li ntbgħatet mill-FES, jingħad li l-“iżball tekniku” sar fuq kalkoli ta’ bejn Jannar u Novembru 2017.

Fl-ittra lil dawk milquta, l-FES ta l-għażla li l-flus jiġu rritornati bilmod f’pagamenti fix-xahar minflok f’pagament wieħed. Imma fl-istess waqt, ħafna qed jistaqsu jekk hux legali li wieħed jitlob lura flus li diġà tħallsu.

Ħafna minn dawk li ntlaqtu b’dan l-“iżball tekniku” huma studenti Universitarji jew tal-MCAST li l-unika sors ta’ dħul tagħhom huwa l-istupendju li jirċievu kull xahar.