Lokali

Il-Gvern ma assigurax li jingħataw il-pagi tal-ħaddiema fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar

Il-Partit Nazzjonalista jiddefendi lill-ħaddiema

Il-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnota li l-ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ma ngħatawx il-pagi dovut lilhom, pagi li suppost tħallsu lbieraħ. Dan seħħ minkejja li l-Kunsillieri Lokali Nazzjonalisti ta’ San Pawl il-Baħar ilhom mill-21 ta Frar 2018 jitolbu informazzjoni lill-Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv biex tinfurmahom x’arranġamenti saru biex jitħallsu l-pagi dovuti lilhom.

Fi stqarrija il-PN qal li infatti, fil-21 ta’ Frar 2018, il-Kunsillieri Nazzjonalisti bagħtu imejl lill-Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv fuq dan is-suġġett, u peress li ma ingħatawx risposta, intbagħtu imejls oħrajn fuq l-istess suġġett fit-22 u t-23 ta’ Frar 2018 sakemm fl-aħħar ingħatat risposta mingħand l-Aġent Deputat Segretarja Eżekuttiv li l-każ qed jiġi diskuss mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Minkejja li l-ġurnata tal-ħlas tal-pagi skadiet, jidher li dawn id-diskussjonijiet ma wasslu mkien u l-ħaddiema tal-Kunsill Lokali baqgħu bla pagi.

Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Ċentrali sabiex jassigura li l-pagi dovuti jitħallsu lil dawn il-ħaddiema, il-Kunsillieri Nazzjonalisti illum talbu lill-President tar-Reġjun Tramuntana, li l-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar jagħmel parti minnu, sabiex jintervjeni u jieħu l-azzjoni sabiex dawn il-pagi jiġu mħallsa mir-Reġjun u eventwalment meta l-Kunsill Lokali jerġa’ jibda jopera kif suppost, jiġu rifużi lura lill-istess reġjun.

Il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra jassigura lir-residenti kollha ta’ San Pawl il-Baħar li se jibqa’ sal-aħħar jiddefendi d-drittijiet tal-għażla ħielsa li għamlu fl-aħħar elezzjoni li għaddiet tal-Kunsilli Lokali.