Atletika Sport

ATLETIKA: Steve Camilleri jirbaħ żewġ midalji wara ħames snin

minn Charles Camenzuli

L-atleta Malti Steve Camilleri rebaħ żewġ medalji tal-bronż ħames snin wara. Dan irriżulta wara li fil-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa li saru fil-Lussemburgu fl-2013, minkejja li kien spiċċa fir-raba’ post fil-finali tal-100 metru u tal-200 metru, l-atleta minn Ċipru Christos Chatziangelides irriżulta pożittiv għad-doping.

Il-finali tal-100 metru kienet intrebħet minn Christos Chatziangelides f’10.77 sekondi qabel Michail Charalampous ta’ Cipru b’10.83 sekondi li b’hekk ingħata l-medalja tad-deheb , dik tal-fidda ingħatat lil Kolbeinn Gunnarsson tal-Iżlanda li kien daħal f’10.84 sekondi u Steve Camilleri f’10.90 sekondi sabiex issa ħa l-medalja tal-bronż.

Fil-finali tal-200 metru Chjatrziangelides kien spiċċa fit-tieni post f’21.89 sekondi jew aħjar .01 ta’ sekonda wara Ivan Kristinn Jasonarson tal-Iżlanda. Fit-tielet post daħal Kriton Kyriakidis ta’ Cipru f’21.11 sekondi li issa ingħata t-tieni post u Steve Camilleri li bi dritt f’22.47 sekondi rebaħ il-medalja tal-bronż.

Steve Camilleri filwaqt li kien sodisfatt b’dak li kiseb bi dritt, daqstant ieħor iħossu diżappuntat li dakinhar fl-2013 ma kienx fuq il-podju tat-tielet post. Hu ghamel wkoll riferenza għal fatt li konsegwenza ta’ dan, fl-2013 ma’ kienx ingħata r-rikonoxximent dovut fl-MOC Sports Awards, ma ingħatax il-bonus bħala wieħed li spiċċa fit-tielet post kif wkoll vantaġġi oħra jekk wieħed iqis li f’dik l-edizzjoni Steve Camilleri kien rebaħ il-medalja tal-bronż fir-relay 4X100 m u dik tal-fidda fl-4 X 100 m. B’dawn iż-żewġ medalji tal-bronż Steve Camilleri sar l-uniku atleta f’dawn l-aħħar 10 snin li rebaħ erba’ medalji fil-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa.

Dawn il-medalji għamlu wkoll differenza fit-total ta’ medalji mirbuħa minn Malta fejn b’hekk fil-Lussemburgu fl-2013 Malta ġiet rebħet 2 deheb 10 fidda u 16 tal-bronż għal total ta’ 28 medalja.