Għawdex Lokali Mużika

Miet il-Professur Joseph Vella; pijunier tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali

Malta titlef ġgant mużikali rikonoxxut internazzjonalment, deskritt "mużiċist monumentali"

Għawdex qam maħsud bil-mewt għal għarrieda tal-Professur Joseph Vella, meqjus bħala ġgant fix-xena mużikali lokali. Mro. Vella kellu 76 sena.

Joseph Vella jibqa’ magħruf għall-għerf kbir mużikali u jitqies fost l-aqwa kompożituri kontemporanji Maltin b’rikonoxximenti internazzjonali.

Għal 48 sena kien Surmast Direttur tas-Soċjetà Filarmonika La Stella tar-Rabat Għawdex, liema banda baqa’ jidderieġi sal-ġurnata tal-mewt hekk kif il-banda Ġorġjana rrekordjat sett ta’ marċi Funebri taħt id-direzzjoni tiegħu fit-Teatru Astra fl-għodwa tal-Ħadd. Is-Sibt filgħaxija kien għadu kif ippreżenta l-arkivju mużikali kollu tiegħu lill-Mużew ‘Il-Ħaġar’ tal-Belt Victoria, belt twelidu.

Bħala direttur artistiku tat-Teatru Astra, huwa dderieġa lill-Orkestra Nazzjonali f’bosta opri bħall-‘Aida’, ‘Turandot’, ‘Nabucco’ u ‘La Traviata’.

Inħatar bħala l-ewwel direttur residenti tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u serva għal 40 sena bħala Surmast Direttur tal-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat Malta.

Kienu għexieren il-messaġġi ta’ kondoljanzi hekk kif tħabbret il-mewt tal-Maestro Joseph Vella.

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jiddeskrivi lil Joseph Vella bħala ġgant tal-mużika, Malti ta’ qalb kbira u Għawdxi li jagħmilna kburin.

Kiteb ukoll it-Tenur Joseph Calleja li wkoll iddeskriva lil Maestro Joseph Vella bħala ġgant tal-integrita’ mużikali u mimli bl-imħabba għal Għawdex. Joseph Calleja faħħar ix-xogħol ta’ Joseph Vella waqt li fakkar li kien il-Maestro Joseph Vella li tah l-ewwel opportunita’ fuq il-palk ta’ 19-il sena.

Filmat: Mro. Vella jintroduċi lit-tenur Joseph Calleja fuq il-palk fl-eta’ tenera ta’ 19-il sena.