Lokali

Stħarriġ it-Torċa: il-PN iniżżel id-distakk b’10% fi tliet xhur

Stħarriġ ikkommissjonat mill-gazzetta it-Torċa u ppubblikat illum juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas meta mqabbel mal-aħħar stħarriġ ikkommissjonat mill-istess gazzetta f’Novembru li għadda.

L-istħarriġ, li sar bejn it-12 u l-20 ta’ Frar, juri li meta mqabbel mal-istħarriġ li sar f’Novembru li għadda, il-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk b’10.7 fil-mija.

Kuntrarju għal dak li sar fi stħarriġ ta’ qabel, l-istħarriġ ippubblika persentaġġi biss u mhux ċifri sħaħ. Barraminhekk, it-tqabbil mhux qed isir mal-aħħar darba li sar l-istħarriġ iżda mal-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

L-istħarriġ ta’ it-Torċa jikkompara tajjeb ma’ dak li ppubblikat il-gazzetta MaltaToday fil-bidu ta’ dan ix-xahar li kien wera li Joseph Muscat naqqas il-fiduċja b’9.4 fil-mija filwaqt li Adrian Delia żied 8.4 fil-mija fil-fiduċja li jgawdi mal-votanti.

It-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista daħlet f’postha fis-27 ta’ Novembru u minn dak iż-żmien bdiet il-ħidma biex jerġa jikseb il-fiduċja tal-poplu Malti. Ħidma li f’dawn l-ewwel xahrejn jidher li bdiet tissarraf f’distakk imnaqqas meta mqabbel ma’ Novembru li għadda. Ir-rizultat tal-istharrig jirrifletti wkoll  serje ta’ successi zghar li kiseb il-PN fl-ahhar xhur fosthom 1000 tesserat ġdid mill-ħatra ta’ Adrian Delia bhala Kap, l-aqwa maratona ta’ gbir ta’ fondi kemm ilu l-PN fl-Oppożizzjoni, reshuffle innovattiva tas-shadow cabinet, u r-rebħa fil-Qorti fil-każ tal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar. Ir-riżultat jirrifletti wkoll l-fatt li l-Partit Nazzjoanlista mmexxi minn Adrian Delia qed jitkellem aktar dwar dak li qed iħossu n-nies

Kemm l-istħarriġ ta’ Maltatoday fil-bidu ta’ Frar kif ukoll dak ta’ it-Torċa jindikaw appoġġ żgħir ħafna għall-Alternattiva Demokratika filwaqt li partiti oħrajn fosthom il-PD għandhom appoġġ kważi insinjifikanti.