Edukazzjoni Lokali

Proposta biex it-trasport tal-iskejjel ikun taħt superviżjoni tal-edukaturi

Il-faċċata tad-dokument li tpoġġa' għall-konsultazzjoni pubblika
Qegħda tiġi kkunsidrata wkoll li jinbidlu l-ħinijiet ta' x'ħin jibdew l-iskejjel it-tfal

Illum tnieda l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-trasport b’xejn u b’superviżjoni lit-tfal tal-iskejjel. Wara li saret konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders, f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u s-Segretarju Permanenti Frank Fabri, ħabbar li se ssir reviżjoni tas-sistema tat-trasport kif inhi bħalissa filwaqt li qegħdin jintlaqgħu ideat differenti dwar kif jista’ jitjieb dan is-servizz.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, iż-żewġ partiti kienu inkludew fil-programm elettorali l-wegħda li t-tfal li jattendu l-iskejjel tal-Gvern, dawk indipendenti u tal-Knisja kollha jibdew jiġu offruti servizz b’xejn ta’ trasport. Il-Ministru qal li f’dan is-servizz se jiġu inklużi t-tfal kollha li jattendu skejjel minn Kindergarten sa’ livell sekondarju – u dan is-servizz se jibda jiġi offrut mis-sena skolastika li ġejja dik tal-2017/18.

F’dawn il-vjaġġi, se tingħata superviżjoni lit-tfal fuq il-vannijiet mill-edukaturi stess. Skont il-Ministru Evarist Bartolo, jidher li hemm interess kbir mill-edukaturi li jipparteċipaw f’din l-iskema għal min irid. Ukoll qegħda tiġi kkunsidrata l-possibbilta’ wkoll li jinbidlu l-ħinjiet ta’ meta jibdew u jispiċċaw l-iskejjel.

Madanakollu biex jiġi assigurat li t-transizzjoni mis-sistema kif titħaddem bħalissa għal dik ġdida tkun waħda mingħajr problemi, is-servizz ta’ trasport lit-tfal tal-iskejjel se jidħol f’fażijiet.

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar, li wara studju li sar mill-kumpanija Grant Thornton, s’issa ġew elenkati tliet sistemi differenti ta’ kif jista’ jiġi offrut dan is-servizz ta’ trasport. Il-proposti ta’ sistemi differenti huma:

  • Ċentralizzazzjoni ta’ trasport fl-irħula u l-ibliet
  • Issir sistema destination bound, jiġifieri tfal ta’ skejjel differenti jistgħu jingħaqdu f’vann wieħed peress li sejrin l-istess direzzjoni
  • Inkella, jiġu identifikati pick-up u drop-off points

Fl-istudju li sar minn Grant Thornton, jidher li fl-iskejjel Maltin b’kollox hawn 56,000 student u minn dawn hemm 24,000 student li jagħmel użu mit-trasport. Pero jidher li sas-sena ddieħla jista’ jkun li dan l-ammont jitla’ għal 38,000.