Lokali Xjenza u Teknoloġija

FILMAT: “L-artisti Maltin li jużaw YouTube għandhom jitħallsu bħall-Ewropej l-oħra”

Esperti minn YouTube ġejjin Malta biex joffru taħriġ b'xejn għall-artisti u n-negozji; inizjattiva tal-MEP Francis Zammit Dimech

L-artisti Maltin li jużaw il-YouTube u jtellgħu il-kontenut tagħhom hemmhek, għandhom jitħallsu kif jitħallsu artisti ta’ pajjiżi oħra.

Qal dan l-MEP Francis Zammit Dimech f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha nieda dettalji dwar attività li qed jorganizza fejn esperti tal-YouTube se jiġu Malta biex joffru taħriġ b’xejn għall-artisti u n-negozji lokali.

Il-YouTube għandu sistema fejn channels li jibdew jikbru fil-popolarità, jidħlu f”Partnership Programmes’ fejn l-artisti jibdew jitħallsu għall-views li jkollhom. Programmi li f’Malta sa issa għadhom mhumiex disponibbli għall-Maltin.

“Jiena rrid li l-artisti Maltin, min jagħmel films f’Malta, il-mużiċisti ta’ Malta u dawk kollha li jużaw il-YouTube biex iwasslu l-prodotti tagħhom għand komunità ikbar, ikunu nklużi fil-programm li permezz tiegħu jitħallsu bħal ma jitħallsu artisti Ewropej oħra”, qal Francis Zammit Dimech. Hu żied li qed jaħdem u jitkellem ma’ YouTube biex din is-sistema tiġi introdotta f’Malta wkoll.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, l-MEP Francis Zammit Dimech ta dettalji dwar attività fis-16 ta’ Marzu li fiha se jkunu qed jiġu esperti tal-YouTube, fosthom barranin li għamlu suċċes fuq YouTube, biex joffru taħriġ b’xejn.

“Hawnhekk qed nitkellmu kif twassal il-vuċi tiegħek aħjar fid-dinja diġitali, u kif tagħmel dan permezz ta’ YouTube. Allura użajt il-kuntatti li għandi mal-uffiċju ta’ YouTube fi Brussell biex nitlob u ninsisti li ssir attività bħal din f’Malta mal-YouTubers ta’ Malta”, żied jispjega.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll Enrico Bellini, uffiċjal ogħli ta’ Google, li faħħar l-inizjattiva tal-MEP Zammit Dimech. Il-komunità tal-YouTubers f’Malta tlaħħaq l-4,000 persuna.