Edukazzjoni Lokali

Kap ta’ Skola tispiċċa l-isptar wara li ġiet imsawta minn nanna ta’ student

Għandu jkun hemm miżuri ta' sigurta' f'kull skola

Kap ta’ Skola spiċċat imsawta minn nanna ta’ student li marret għaliha l-iskola.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.15 ta’ filgħodu fl-iskola primarja tal-Birgu, meta persuna li identifikat ruħha bħala nanna ta’ student, marret l-iskola u talbet li tiltaqa’ mal-Kap tal-Iskola.

Skont informazzjoni maħruġa wara li seħħ l-inċident, wara li ddaħħlet fl-iskola mill-istaff li jkun mal-bieb, in-nanna ta’ dan l-istudent telgħet fl-uffiċju tal-Kap tal-Iskola fejn hemmek aggredietha.

Il-mara kellha tinħareġ mill-iskola minn membri tal-istaff li mill-ewwel taw l-assistenza tagħhom.

Dan apparti li kien hemm bżonn li tissejjaħ l-assistenza medika hekk kif filfatt, il-Kap tal-Iskola kellha tiddaħħal l-isptar. Apparti minn hekk sar ukoll rapport lill-Pulizija.

L-inċident wassal għal numru ta’ kundanni, fosthom l-MUT li kkundannat din l-aggressjoni fuq il-Kap tal-Iskola tal-Birgu waqt il-qadi ta’ dmirjietha. Il-Union tal-Għalliema Maltin qalet li mhux se taċċetta din it-tip ta’ aggressjoni u teżiġi li jkun hemm investigazzjonijiet immedjati mill-pulizija u mill-awtoritajiet edukattivi rispettivament sabiex jittieħdu l-passi kollha neċessarji skont il-każ.

L-MUT fi stqarrija qalet li għandu jkun hemm miżuri ta’ sigurtà f’kull skola, liema miżuri għadhom qatt ma ġew implimentati.

Kundanna oħra ġiet mill-Union tal-Edukaturi Professjonali fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, li qalet li hu ħasra li l-aggressur ma provatx issib mod ieħor kif tirrisolvi l-kwistjoni li kellha.

Il-Union tal-Edukaturi Professjonali żiedet tirreġistra tħassib dwar il-mod kif fl-aħħar snin, l-awtoritajiet naqsu milli jipproteġu l-edukaturi fl-iskejjel tal-Gvern b’miżuri li hemm bżonn jittieħdu minnufih biex tiżdied is-sigurtà f’kull skola.

Il-Kap tal-Iskola titkellem wara li ssawtet minn nanna ta’ student