Lokali

FILMAT: Il-Kap tal-PN Adrian Delia jħabbar Konferenza Nazzjonali dwar is-saħħa mentali

Il-Partit Nazzjonalista se jorganizza konferenza nazzjonali ta’ ġurnata li matulha se tiġi diskussa s-saħħa mentali.

Ħabbar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia hekk kif l-Erbgħa laqa’ fil-Parlament lil rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet differenti li jaħdmu f’dan il-qasam u li huma wkoll qraba ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.

Din il-konferenza għandha l-għan li professjonisti u qraba li għaddejjin minn esperjenza ta’ problemi tas-saħħa mentali jkunu jistgħu jiddiskutu fejn qegħdin f’dan is-settur u l-futur.

Adrian Delia ddikjara li f’dan il-qasam, sar kemm sar għadu mhux biżżejjed u għalhekk hemm bżonn iktar djalogu.

Din il-proposta ntlaqgħet tajjeb minn dawk preżenti, bil-President tal-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali Godfrey Borg jiddirkjara li fl-aħħar is-saħħa mentali jidher li hi fuq nett tal-aġenda politika nazzjonali.

Hu semma’ numru ta’ nuqqasijiet f’dan is-settur, mhux biss il-kwalità tal-isptar Monte Karmeli, imma wkoll il-qraba tal-pazjenti li jħossuhom minsija.

Nuqqas ieħor hu l-fatt li l-Crisis Intervention Unit, li jagħlaq fil-17:00 bħallikieku wara ma tistax tinqala’ problema urġenti relatata mas-saħħa mentali.

Għal din il-laqgħa, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali u Kelliem għall-Isfidi tas-Seklu 21 Clyde Puli, il-Kelliem għas-Saħħa Mentali Mario Galea u d-Deputat David Stellini, Kelliem għall-Affarijjiet Ewropej u Brexit.