Lokali

FILMAT: “Is-settur tas-saħħa privat jista’ jwassal għal kwalità tas-saħħa ogħla għal pajjiżna” – Adrian Delia

Is-settur tas-saħħa privat f’pajjiżna jista’ jkun pedina importanti biex togħla l-kwalità tas-servizz tas-saħħa f’Malta u Għawdex.

Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li l-Erbgħa żar l-isptar Saint James f’Tas-Sliema fejn fi kliemu stess kien impressjonat bl-iżvilupp li sar fl-aħħar snin.

Adrian Delia nnota kif f’dan l-isptar l-impjegati jidhru kuntenti u xprunati biex jaħdmu u joffru l-aħjar servizz anke għaliex it-tmexxija tal-isptar investiet miljuni fl-aqwa apparat mediku.

Dan anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikel, fi sptar fejn wieħed isib kċina tal-ogħla kwalità b’ikel frisk u ppreparat fil-post stess minn kokijiet professjonali.

Adrian Delia kkuntrasta dan mal-aġir tal-Gvern, li qed jippermetti li kumpaniji privati jagħmlu kummerċ minn fuq l-isptarijiet lokali,b’bejgħ bejniethom,  meta dawn setgħu ġew lura għand il-poplu u jkun il-Gvern li jagħżel l-aqwa sid għalihom.

L-isptar Saint James hu wkoll għal qalb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia hekk kif fih twieldu wliedu.

Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri.