Futbol Sport

It-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena jtemm l-ewwel fil-mini tournament tal-UEFA Youth Development

It-tim Malti li beda l-logħba kontra Liechtenstein (Ritratt: Domenic Aquilina)

LIECHTENSTEIN…..0

MALTA…………………2

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-16-il sena għeleb lil Liechtenstein 2-0 fl-aħħar logħba mill-mini-tournament tal-UEFA Youth Development biex għalaq ġimgħa pożittiva taħt il-gwida tal-kowċ Noel Turner.

Il-plejers Maltin spiċċaw fl-ewwel post wara li ma tilfux tul it-tournament, b’rebħa fuq l-Andorra bil-penalties u rebħa ta’ 6-0 fuq Ġibiltà.

“Kienet esperjenza ta’ ġid għall-plejers tagħna. It-tim ipproduċa prestazzjonijiet tajbin u wera attitudni pożittiva ħafna li hu essenzjali għal dawn iż-żgħażagħ biex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom. Dan it-tournament kien l-ewwel esperjenza internazzjonali għall-plejers tagħna li żgur se jgħin l-iżvilupp tagħhom,” qal Noel Turner.

Il-kowċ nazzjonali kompla jgħid li minbarra l-aspett kalċistiku, il-plejers żgħażagħ kellhom jagħmlu l-eżamijiet waqt it-tournament, fil-hotel jew fl-iskejjel. Turner saħaq li għalihom kienet sfida biex jibbilanċjaw il-ħidma tal-futbol u dik akkademika iżda jemmen li l-prestazzjoni tal-plejers kienet tajba biżżejjed.

Fl-ewwel taqsima l-logħba kienet bilanċjata, bit-tim Malti jsibha ftit diffiċli biex jinfed id-difiża avversarja. Madwar nofs siegħa logħob, Liechtenstein kellhom l-aħjar opportunità ta’ skor, bix-xutt mill-viċin ta’ Ricardo Brancaleone jkun salvat mill-gowlkiper Malti Matthias Debono.

Iż-żgħażagħ Maltin fetħu l-iskor ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, b’xutt tajjeb ta’ Jake Engerer wara azzjoni fuq in-naħa leminija. It-tim Malti seta’ rdoppja ħdax-il minuta fit-tieni taqsima, iżda Jake Bone spara barra minn qagħda ideali.

Madankollu ftit wara t-tim ta’ Noel Turner irdoppja, bil-captain Karl Mohnani jiskorja b’konklużjoni fuq it-tieni lasta.  Fil-logħba l-oħra, Ġibiltà għelbu lit-tim nazzjonali tal-Andorra 5-4 bil-penalties wara draw ta’ 1-1.

Liechtenstein: G. Foser, M. Hasler (L. Biedermann 51’), D. Tschupp, E. Jager, P. Gassner, R. Brancaleone, L. Kranz, A. Netzer, A. Risch (J. Beck 50’), T. Schreiber, Y. Allaart (E. Batliner 38’)

Malta: M. Debono (M. Spiteri 58’), S. Mizzi, N. Farrugia Cross (G. Sciberras 58’), G. Mifsud (I. Borg 69’), K. Galea (D. Musu 41’), I. Galea (G. Borg 69’), K. Mohnani, E. Camilleri (J. Kelly 41’), K. Desira (M. Veselji 41’), J. Bone, J. Engerer (K. Buhagiar 85’)

Referee: Joseph Scerri