Lokali

FILMAT: Ħadd ma jweġġa’ f’inċident b’sikkina f’Tas-Sliema

Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’inċident f’Tas-Sliema li fih kienet intużata arma li taqta’ u bil-ponta, aktarx sikkina.

L-argument seħħ fuq il-bejt ta’ guesthouse tal-istudenti fi Triq Monsinjur Depiro f’Tas-Sliema għall-ħabta tal-ħamsa neqes għaxra ta’ waranofsinhar.

Persuni li għamlu kuntatt ma’ NETnews qalu li fi Triq Depiro kien hemm moviment qawwi ta’ karozzi tal-Pulizija u saħansitra anke ambulanza ‘standby’.

Dan hekk kif mir-rapporti li saru lill-Pulizija, aktarx fil-ġlieda ntużat sikkina.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews, tal-anqas persuna waħda rnexxielha taħrab, tant li l-Pulizija kellhom ifittxu fl-inħawi, fosthom fl-istess guesthouse fejn seħħ l-argument.

Filfatt, ftit aktar tard, il-Pulizija dehru ħerġin mill-binja b’raġel miżmum taħt arrest.

Minn informazzjoni li għandu NET News, aktar tard irriżulta li l-argument beda meta persuna għamlet għal grupp ta’ żgħażagħ li kienu qegħdin fuq il-bejt tal-blokka. Għalkemm jidher li fl-argument ma weġġa’ ħadd, l-aggressur ittieħed l-isptar Mater Dei biex jiġi invistat.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius