Futbol Sport

FUTBOL TALJAN: “Conte s-sostitut ideali ta’ Ventura” – Costacurta

Antonio Conte

Alessandro Costacurta ammetta li jixtieq li l-manager ta’ Chelsea, Antonio Conte jieħu post l-ekskowċ nazzjonali Giampiero Ventura u jkun hu li jmexxi lit-tim nazzjonali Taljan. Ventura tkeċċa f’Novembru li għadda wara li l-Italja sfat eliminata mill-play-offs għat-Tazza tad-Dinja u minfloku, b’mod temporanju, nħatar Luigi Di Biagio.

Dan tal-aħħar se jkun qed imexxi lill-Italja lit-tim nazzjonali tal-kbar fil-partiti ta’ ħbiberija kontra l-Arġentina u l-Ingilterra. L-Italja se tilgħab kontra l-Arġentina fit-23 ta’ Marzu fl-Etihad Stadium filwaqt li erbat ijiem wara f’Wembley tilgħab kontra l-Ingilterra.

Wara dawn il-partiti l-Federazzjoni tal-Futbol Taljan (FIGC) trid tagħżel kowċ li jibda jmexxi lill-Italja u f’kummenti li ta Costacurta qal li għalih Conte hu l-aħjar għażla.

Ta’ min jiftakar li Conte diġa’ mexxa lill-Italja bejn l-2014 u l-2016. Il-kandidati l-oħra li jistgħu jmexxi lill Italja huma Carlo Ancelotti, Claudio Ranieri u Roberto Mancini.

“Fost il-kandidati potenzjali, Conte għalija jkun l-aħjar,” qal Costacurta. “Definittivament li fi ftit xhur oħra nisma’ mingħandu. Għadni ma kellimtux iżda naħseb li l-uniku wieħed li jmur tajjeb huwa hu.
“Conte diġá wera li jista’ jkun kowċ nazzjonali, dan rajnih fil-Kampjonat Ewropew. Dan mhux il-każ għall-oħrajn. Dan ma jfissirx li ma l-oħrajn m’humiex tajbin imma Conte diġa’ għadda mill-prova.”