Lokali

Open Day fil-Junior College

Il-Junior College (Ritratt: Martin Agius)

Biex atleti tat-tim nazzjonali jkunu jistgħu jibqgħu jistudjaw u jittrenjaw fl-istess ħin, il-Junior College se tkun qed toffri programm ta’ studju apposta għalihom.

Ħabbar dan il-Prinċipal tal-Junior College Paul Xuereb meta f’konferenza tal-aħbarijiet ta dettalji dwar Open Day li se ssir biex studenti prospettivi u l-ġenituri tagħhom iżuru l-faċilitajiet tal-Kulleġġ.

Programm ieħor offrut mill-bidu tas-sena skolastika li ġej se jkun dak għal studenti interessati fil-Mediċina, Kura tas-Saħħa u x-Xjenzi. Kors ta’ sena għal min ikun irid itejjeb il-gradi tiegħu biex ikun jista’ jidħol l-Università.

Il-programm tal-matrikola, jiġifieri dak il-kors ta’ sentejn li jwassal għall-Università, naturalment se jibqa’ jiġi offrut b’mod normali fejn b’kuntrarju ta’ xi skejjel post-sekondarji oħra, l-istudenti jistgħu jagħżlu liema suġġetti jridu flimkien, dejjem skont ir-regoli tal-MATSEC.

L-Open Day ‘Next Sop Junior College’ ta’ għada Ġimgħa 2 ta’ Marzu tibda fil-5.30 ta’ waranofsinhar u tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ filgħaxija.