Lokali

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista impenjata b’risq Malta tal-futur – Adrian Delia

Aktar minn qatt qabel, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed titkellem ma’ dawk kollha involuti direttament jew indirettament fil-qasam tal-iżvilupp. B’hekk inkunu nistgħu nħarsu wkoll lejn Malta tal-futur fis-setturi relatati, fosthom fit-trasport u fl-enerġija.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA).

Adrian Delia qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jitneħħew l-inċertezzi u jinħolqu l-opportunitajiet. B’hekk, inkunu rivoluzzjonarji fil-ħsibijiet tagħna u nħarsu ‘l quddiem għall-ġid tal-pajjiż kollu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jinvolvi lill-i‘stakeholders’ kollha ħalli ma nibqgħux nippjanaw biss mil-lum għal għada, iżda nkunu ‘forward-looking’.

Adrian Delia temm bl-appell biex fid-deċiżjonijiet li jittieħdu, naraw li dak li nagħmlu llum ikun verament ta’ wirt għal uliedna u ulied uliedna.

Sadanittant, il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MDA kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li fil-bidu tal-intervent tiegħu qal li jaqbel ma’ dak kollu li kien għadu kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti esprima l-fiduċja tiegħu li l-Assoċjazzjoni tista’ taħdem ukoll id f’id mal-Oppożizzjoni, immexxija minn Adrian Delia.

U l-President Onorarju tal-MDA, il-Perit Michael Falzon, fakkar fil-ħidma li saret fl-2010 biex setgħet titwieled l-idea ta’ din l-Assoċjazzjoni. Hu sostna li, minkejja li d-dinja kollha kienet għaddejja minn kriżi ekonomika, pajjiżna rnexxielu ma jintlaqatx daqstant b’mod negattiv grazzi wkoll għad-deċiżjonijiet li ttieħdu dakinhar.