Sport Sport Ieħor

LAUREUS AWARDS: Federer u Williams ivvutati l-aqwa sportivi tas-sena 2017

It-tennista Żvizzeru Roger Federer ġie vvutat bħala l-aqwa sportiv tas-sena fis-serata tal-Laureus awards li saret f’Monaco fi Franza. Fil-kategorija tan-nisa kienet Serena Williams li ġie ivvutata bħala l-Isportiva tas-Sena.

Fl-2017 Federer kellu sena mill-aqwa hekk kif rebaħ l-Open ta’ Wimbledon u dak tal-Awstralja. Barra minn hekk, f’Jannar li għadda kompla minn fejn ħalla u reġa’ rebaħ l-Open tal-Awstralja biex kompla saħħaħ l-ewwel post f’dik li klassifika ta’ Grand Slams mirbuħa.

Ftit ġimgħat ilu Federer waqqaf anke rekord u sar l-aktar tennista veteran li qatt okkupa l-ewwel post fir-rankings mondjali.

B’kollox, it-tennista veteran ta’ 36 sena rebaħ 20 Grand Slam, erbgħa aktar mill-eqreb rivali tiegħu Rafael Nadal. Federer ma kienx lagħab l-aħħar sitt xhur tal-2016 minħabba injury imma sena wara għamel ritorn mill-aqwa. Fil-fatt, minbarra li ġie vvutat bħala l-Aqwa Sportiv tas-Sena rebaħ anke t-titlu tal-‘Aqwa Ritorn’.

Biex rebaħ dan l-unur Federer għeleb l-isfida ta’ diversi atleti rinomati bħal ma huma Rafael Nadal, Cristiano Ronaldo, Lewis Hamilton, Mo Farah u Chris Froome.

Fl-2017 Williams rebħet l-Open tal-Awstralja biex saret it-tieni l-aktar tennista li qatt rebħet Grand Slams.

Matul l-2017 Williams ma tantx lagħbet minħabba li kienet qed tistenna tarbija u kien biss lejn tmiem is-sena li rritornat fl-azzjoni imma f’Jannar li għadda ma ħaditx sehem fl-Open tal-Awstralja u b’hekk tilfet iċ-ċans li tiddefendi t-titlu li rebħet sena ilu.