Lokali

Żiemel idum 45 minuta maħrub fl-irdum ta’ Ħad-Dingli

Fortunatament ma kienux gravi l-konsegwenzi ta’ żiemel li ħarab lil sidu, u li dam mal-45 minuta maħrub f’Ħad-Dingli.

Il-każ seħħ waranofsinhar. Persuni li tkellmu ma’ NETnews qalu li wara 45 minuta maħrub, iż-żiemel inqabad minn sidu stess.

Għal xi ħin, iż-żiemel intlemaħ jiġri fit-triq tal-irdum ta’ Ħad-Dingli, b’persuni oħra li tkellmu ma’ NETnews saħansitra jgħidu li lemħu ż-żiemel anke fl-inħawi tal-Girgenti.

L-unika ħsara rrappurtata lil NETnews kienet f’mera ta’ vann li ntlaqtet miż-żiemel maħrub.

Fl-inħawi ta’ Ħad-Dingli hemm diversi rziezet u mhux l-ewwel darba li s-sidien taż-żwiemel joħorġu liż-żwiemel tagħhom tul l-irdum.