Lokali Sport

GasanMamo Insurance tappoġġa inizjattiva ambizzjuża biex tgħin lil Jake Vella

GasanMamo Insurance se tagħti appoġġ lil erba’ atleti Maltin li din is-sena se jipparteċipaw fil-Marathan des Sables, sabiex jiġbru fondi għat-triathlete żagħżugħ Jake Vella. B’hekk, l-atleti Daniel Agius, Steve Chetcuti, Ben Mifsud u Jack Schiavone se jikkompetu f’tellieqa ferm iebsa ta’ 250 kilometru fid-Deżert Saħara.

Dan l-aħħar, Jake issemma fl-aħbarijiet bħala wieħed minn madwar 75 persuna fid-dinja li jbagħtu minn kundizzjoni rari magħrufa bħala ROHHAD (Rapid-onset Obesity with Hypothalamic dysfunction, Hypoventilation and Autonomic Dysregulation). Din hija marda rari tal-ormoni u għalkemm Jake jiekol ikel sustanjuż u bil-qies u jagħmel ammont kbir ta’ eżerċizju, din il-marda xorta ġġiegħlu jżid fil-piż.

Jake hu parteċipant regolari fit-tlielaq tat-Triathlon lokali, u fi stqarrija, GasanMamo qalet li ħasset id-dover li tgħin u tappoġġa lil dawn l-irġiel qalbiena jivvjaġġaw lejn il-Marokk fejn se jieħdu sehem fil-Marathon de Sables ta’ din is-sena.  GasanMamo qalet li temmen li b’dan it-tip ta’appoġġ kumpaniji jistgħu jkunu aktar attivi fil-komunita’. GasanMamo hija sodisfatta bl-interess li nħoloq fost l-impjegati tagħha u bl-appoġġ li qed juru lkoll lil Jake u lil dawn l-erba’ atleti Maltin.

Din it-tellieqa tinġera f’erba’ partijiet fuq sitt ijiem konsekuttivi.  Kull kompetitur irid iġorr l-affarijiet personali tiegħu inkluż ikel u ilma.  Is-sena l-oħra għaxra fil-mija tal-kompetituri ma komplewx it-tellieqa minħabba l-kundizzjoni ħorox u din is-sena wkoll mhux mistenni li kulħadd ser jasal sat-tmiem.   L-erba’ atleti Maltin ilhom jitħarġu għal dawn l-aħħar xhur biex kontinwament iqisu r-reżistenza u l-istamina tagħhom.

F’Awwissu li għadda, Steve ipparteċipa fl-Ironman Triathlon fl-Iżvezja, li tiġi organizzata mill- World Triathlon Corporation. Wara dik it-tellieqa, Steve u Daniel iddeċidew li jikkompetu f’tellieqa aktar iebsa u eċitanti.  “L-isfida li kien imiss fuq il-lista tagħna kienet il-Marathon des Sables. Irnexxielna wkoll inħajru lil sħabna Ben u Jack jieħdu sehem magħna. Mingħajr dubju din it-tellieqa hija sfida differenti minn dawk tas-soltu.  Dejjem ridt li jkolli esperjenza fid-deżert, u din hi opportunita’ unika, li ser tagħtini l-opportunita’ nqis kemm niflaħ nikkompeti fiżikament f’dawn il-kundizzjonijiet ħorox,” qal Steve.

Daniel ilu jieħu sehem fit-tlielaq fit-tul għal dawn l-aħħar seba’ snin, jiftakar meta flimkien ma’ Steve kienu f’ristorant jitkellmu fuq liema tellieqa jmisshom jagħmlu. “domna biss ħames minuti sabiex niddeċiedu biex nagħmlu l-Marathon des Sable.  It-taħriġ għal din il-maratona fis-Saħara huwa intensiv ħafna u jieħu ħafna ħin, iżda fortunatament dan ma nsibux diffiċli għax jien imdorri nittrenja għal sigħat twal biex nipprepara għat-tlielaq ta’ distanza fit-tul.  Dan it-taħriġ huwa differenti ħafna mit-taħriġ li għamilt għat-tlielaq u triathlons ta’ qabel, li ġeneralment ikunu fi triq.  Il-maġġoranza ta’ dan it-taħriġ qed isir fil-kampanja Maltija u vera qed nieħu pjaċir niskopri dawn il-postijiet,” qal Daniel.

Ben beda jiġri fl-2013 bl-intenzjoni unika li jitlef 40kg mill-piż tiegħu u sabiex jiġri fil-maratona.  Minn dakinhar baqa’ jiġri u jitħarreġ fil-ġiri.  Jack Schiavone qal li l-ispirazzjoni tiegħu biex jieħu sehem f’din l-isfida kienet li jiġbor il-fondi għal din il-kawża ġusta biex ikun jista’ jgħin lil Jake. Għalkemm iħoss li ma tħarriġx biżżejjed għal din it-tellieqa, Jack għamilha ċara li se jagħmel ħiltu kollha biex jasal sat-tmiem  u “niġbor kemm jista’ jkun flus għal Jake.”

Steve qed jaspira li jkun fost l-ewwel 100 parteċipanti li jaslu sal-finali.  Hu jiddeskrivi lilu nnifsu bħala persuna kompettitiva ħafna. “Se nagħmel l-almu tiegħi kollu iżda naf ukoll li din mhux se tkun xi tellieq faċli.”  L-atleti Maltin jirrikonoxxu li din hija kompetizzjoni ħarxa ħafna, b’ġiri fuq kull tip ta’ terran u temperaturi għoljin u b’hekk wieħed ma jistax ikun ċert ser jiġri.

GasanMamo Insurance tixtieq testendi l-appoġġ tagħha lil dawn l-erba’ atleti u tirringrazzjahom għad-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom, li qed ifisser ħafna biex jinġabru fondi għaċ-ċkejken Jake. Il-kumpanija temmen li l-entużjażmu u l-perseveranza ta’ dawn l-atleti għandha tkun rikonoxxuta u GasanMamo qiegħda tħeġġeġ u tappella lil kumpaniji oħra biex jagħtu l-għajnuna u l-appoġġ tagħhom.

Għal aktar informazzjoni dwar kif tista’ tgħin u tagħti appoġġ lil Jake żur il-paġna ta’ Facebook ‘Running the Dunes for Jake – Marathon Des Sables 2018’ jew il-website https://gogetfunding.com/running-the-dunes-for-jake-marathon-des-sable-2018/