Lokali

Hemm bżonn pjan fil-fond dwar l-ambjent u l-iżvilupp

L-għaqda Din l-Art Ħelwa tinsab inkwetata dwar il-bini għoli li qed jitla’, il-fatt li l-Gvern ma ppublikax pjanijiet lokali, in-nuqqas ta’ ħsieb dwar il-bini tradizzjonali  u l-abbuż tal- linji gwida rurali li nħarġu fl-2014. Dawn l-erba’ riżoluzzjonijiet ġew approvati mill-istess għaqda fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Il-membri ta’ din l-għaqda qed jitolbu lil Gvern biex jieħu azzjoni biex in-nies ma jibqgħux jagħmlu dak li jridu bil-liġijiet ta’ pajjiżna mingħajr ħadd ma jwaqqafhom. Jgħidu li hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata fil-Parlament biex isir pjan fil-fond dwar l-ambjent u l-iżvilupp.

Iżidu jgħidu li l-Gvern u l-Awtorità tal-Ippjanar għandhom jieħdu azzjoni dwar il-bini u l-arkitettura tradizzjonali li iktar ma jmur iktar qed ikomplu jinqerdu fix-xejn. Jiġbdu l-attenzjoni wkoll dwar l-Artijiet Konservattivi li fi kliemhom għandhom jiġu protetti u jibqgħu art verġni. Dan kollu qed isir mhux biss f’Malta iżda wkoll f’irħula ġewwa Għawdex.

L-Għaqda fakkret li l-Gvern wiegħed li jsir pjan nazzjonali dwar l-ilma biex ikun protett l-ilma ta’ taħt l-art.