Lokali

Jaqleb għall-agħar it-tapizzar li f’Novembru ntlaqat tiri f’Ħ’Attard

Raymond Grima, it-tapizzar li fis-17 ta’ Novembru li għadda weġġa’ gravi fi sparatura fil-garaxx tiegħu f’Ħ’Attard, qaleb għall-agħar. Fl-istess sparatura kien inqatel bi żball Lino Mangion ta’ 58 sena li f’dak il-ħin li l-aggressur daħal jispara, inzerta kien fil-garaxx ta’ Raymond Grima.

Jirriżulta li wara li Raymond Grima, li kien ntlaqat minn tliet tiri f’żaqqu, kien beda jirkupra, issa reġa’ ddaħħal l-isptar fit-Taqsima tal-Kura Intensiva minħabba kumplikazzjonijiet.

Sa mis-17 ta’ Novembru, Raymond Grima ma tkellem xejn dwar l-attentat ta’ qtil fuqu u l-qtil ta’ Lino Mangion.

L-investigaturi kien stabilixxew li Lino Mangion inqatel bi żball, waqt li Raymond Grima jaf sew lill-aggressur.

Raymond Grima qed ikollu Pulizija miegħu 24 siegħa kuljum fl-Isptar Mater Dei.