Futbol Sport

L-IFAB tapprova l-VAR fil-kwartieri tal-FIFA

Gianluca Rocchi waqt il-partita bejn Inter u Lazio

Il-Video Assistant Referees magħrufa aħjar bħala VAR mistennija li tkun qed tintuża fit-Tazza tad-Dinja fir-Russja wara li l-uffiċjali tal-IFAB ivvutaw favur it-teknoloġija. Bħalissa, din is-sistema tinsab bi prova f’pajjiżi bħall-Italja u l-Ġermanja filwaqt li bdiet tintuża f’xi kompetizzjonijiet fl-Ingilterra.

Il-Bord Internazzjonali tal-Futbol approva unanimament l-introduzzjoni fuq bażi permanenti wara laqgħa fi Zurich ilbieraħ. Il-kampjonati u l-kompetizzjonijiet issa jridu japplikaw mal-IFAB biex jimplimentaw it-teknoloġija.

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li deċiżjoni jekk il-VAR tintużax fit-Tazza tad-Dinja se tittieħed f’laqgħa fis-16 ta’ Marzu. “Mil-lum, il-Video Assistant Refereeing hu parti mill-futbol. Nittamaw u ninkoraġġixxu deċiżjoni favorevoli f’dan ir-rigward għax aħna pożittivi ħafna fuq il-VAR,” qal Infantino.

Minkejja d-deċiżjoni tal-IFAB, il-Premier League mhux mistenni jintroduċi l-VAR staġun ieħor filwaqt li l-UEFA qalet li mhux se tintuża fiċ-Champions League l-istaġun li ġej. Il-kampjonat Franċiż Ligue 1 se jintroduċi l-VAR staġun ieħor.

Il-VAR se tkun qed tintuża f’erba’ każijiet. F’każ ta’ gowl jew mhux gowl, penalty jew mhux penalty, karta ħamra diretta, jekk identità żbaljata. Il-VAR kienet użata l-ewwel darba fit-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs f’Diċembru tal-2016 u kienet bi prova fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tas-sena l-oħra.