Futbol Sport

Futbol: Il-VAR se jiġi utilizzat waqt it-Tazza tad-Dinja

Il-Video Assistant Referees magħrufa aħjar bħala VAR mistennija se tintuża fit-Tazza tad-Dinja fir-Russja wara li l-uffiċjali tal-IFAB ivvutaw favur it-teknoloġija. Bħalissa, din is-sistema tinsab bi prova f’pajjiżi bħall-Italja u l-Ġermanja filwaqt li bdiet tintuża f’xi kompetizzjonijiet fl-Ingilterra.

Il-Bord Internazzjonali tal-Futbol approva unanimament l-introduzzjoni fuq bażi permanenti wara laqgħa fi Zurich nhar is-Sibt. Il-kampjonati u l-kompetizzjonijiet issa jridu japplikaw mal-IFAB biex jimplimentaw it-teknoloġija.

Minkejja d-deċiżjoni tal-IFAB, il-Premier League mhux mistenni jintroduċi l-VAR staġun ieħor filwaqt li l-UEFA qalet li mhux se tintuża fiċ-Champions League l-istaġun li ġej. Il-kampjonat Franċiż Ligue 1 se jintroduċi l-VAR staġun ieħor.