Lokali

TASAL IL-KONFERMA: Il-Ministru Josè Herrera jikkonferma li l-inċeneratur se jaħraq il-plastik

L-inċeneratur propost fil-Magħtab se jkun qed jaħraq il-plastik. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera f’intervista li saret mill-gazzetta The Malta Independent.

Anke l-gazzetta il-Mument kompliet issegwi dawn l-iżviluppi dwar il-proġett li għandu jitlesta sas-sena 2023 fil-Magħtab bil-bini ta’ inċeneratur li għandu l-għan li jtaffi l-problema ta’ skart li dejjem qed tikber u li dan il-Gvern qata’ qalbu li jsolvi.

Tant hu hekk li dan il-proġett se jmur kontra dak li kien jgħid Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013 meta kien kontra li f’Malta jinbena inċeneratur.

Iżda issa jidher li mhux talli għamel U-Turn storika oħra, iżda l-Kabinett ta’ Joseph Muscat se jċedi u jaċċetta inċeneratur li minbarra skart muniċipali jaħraq ukoll il-plastik. L-istess Muscat li waqt attività politika fil-Gudja, il-Ħadd naqas milli jserraħ ras in-nies billi jiddikjara li mhux se jinħaraq plastik.

Il-ħruq tal-plastik iwassal għal mard kroniku u serju ħafna. Studji internazzjonali juru kif l-emissjonijiet mill-ħruq tal-plastik iwasslu għall-ażma, mard fin-nervituri, irritazzjonijiet fil-ġilda u kanċer.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, staqsejna jekk fl-inċineratur hux se jinħaraq plastik iżda l-kelliema Laburisti quddiem il-cameras ta’ NET News baqgħu ċċassati u ma tawx risposta.

Issa l-Ministru Josè Herrera stess ikkonferma li jekk ma ssirx separazzjoni tal-iskart, il-plastik se jkollu jinħaraq fl-inċeneratur.