Lokali Parlament

Ħaddiema jiddaħħlu l-Wasteserv biex jaħdmu f’Ministeru fuq talba tal-Ministru Jose’ Herrera

Ġimgħatejn qabel u ġimgħa wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, iddaħħlu 47 ħaddiem ġdid mal-Wasteserv u wara talba tal-Ministru Jose’ Herrera, dawn ġew ‘deployed’ lejn Ministeri oħra.

Dan ħareġ waqt laqgħa oħra tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Pubbliċi (PAC) wara mistoqsija li d-Deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Claudio Grech, bil-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello kkonferma li t-talba saret verbalment waqt laqgħa bejn il-Ministru Herrera, is-CEO nnifsu u ċ-Chairman tal-Wasteserv.

Fil-laqgħa rriżulta wkoll li bejn Jannar 2014, meta Montebello ntlaħaq CEO tal-Wasteserv, sa Diċembru 2017 in-numru ta’ impjegati mal-kumpanija żdied għal aktar mid-doppju. Fil-bidu tal-2014 kien hemm 322 impjegat u fl-aħħar tal-2017, dawn telgħu għal 763.

Skont statistika ppreżentata minn Montebello nnifsu, aktar minn 30% minn dawk impjegati fl-2017 kienu ġejjin mid-distrett elettorali tal-Ministru Herrera, filwaqt li kważi 60% ta’ dawk impjegati fl-2017, iddaħħlu fil-ġimgħa tal-elezzjoni.

Id-Deputat Beppe Fenech Adami rrimarka kif id-differenza fl-ammont ta’ skart riċiklat mill-Wasteserv ma jirriflettix l-irduppjar tal-impjiegi miżjuda mal-kumpanija. Madankollu, mistoqsi mid-Deputat Jason Azzopardi, is-CEO qal li jħossu komdu biż-żieda fl-impjiegi fil-perjodu taħt it-tmexxija tiegħu.

Is-CEO tal-Wasteserv ma eskludiex li seta’ kien hemm intervent mill-Customer Care tal-Ministeru (dak iż-żmien immexxi minn Jose’ Herrera) biex persuni li tkeċċew minħabba passi dixxiplinarji reġgħu ddaħħlu jaħdmu fil-kumpanija. Madankollu, qal li ma jiftakarx kemm kien hemm minn dawn il-każi.

Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar l-ingaġġ tiegħu bħala CEO tal-Wasteserv, Tonio Montebello għall-ewwel qal li ma jiftakarx jekk kienx hemm sejħa għall-impjiegi.

Madankollu, hu malajr kellu jbiddel il-verżjoni għax meta mistoqsi aktar minn darba, kellu jistqarr li kien ġie ngaġġat mingħajr sejħa. Hu kompla li madankollu, il-predeċessur tiegħu kien ġie ngaġġat wara sejħa għall-impjieg.

Lejn l-aħħar tal-laqgħa, id-Deputati Laburisti nnutaw il-pressjoni politika wara l-intervent tal-Ministru Jose’ Herrera fil-jiem ta’ madwar l-elezzjoni, u nfexxew jirrepetu sensiela ta’ allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Deputati Nazzjonalisti.