Lokali

Il-PN b’politika li tirrifletti t-tħassib u l-bżonnijiet tan-nies – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem b’tali mod li jirrifletti t-tħassib u l-bżonnijiet tan-nies. Mhux l-anqas il-biża’ tan-nies dwar il-kriminalità u biex kulħadd jibda jħossu sikur f’daru.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien mistieden fil-programm “Skjetti” fuq ix-Xandir tal-Istat. Hu għaqqad dan is-settur ma’ setturi oħrajn li sal-lum għadhom qed iħassbu lin-nies, bħall-immigrazzjoni, it-trasport, l-ambjent u l-iżvilupp, għax qal li s’issa għadu ma sarx biżżejjed dwar dawn.

Matul il-programm, Adrian Delia wiegħed li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iħares ‘il quddiem ħalli ma jkunx biss f’pożizzjoni li jikkritika, iżda jkun ukoll ottimist. Barra minhekk, irridu naraw kif Malta tkun taħt lenti pożittiva.

Hu tkellem dwar l-ekonomija, fejn sostna li l-Gvern għandu jkun għaqli biżżejjed biex jekk tikber l-ekonomija jgawdi minnha kulħadd.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hemm bżonn li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jibdew jaħdmu aktar flimkien għal proġetti sostenibbli. Fost oħrajn semma’ li wasal iż-żmien għal pjan fit-tul biex tinstab it-triq tan-nofs bejn l-iżvilupp u r-rispett lejn l-ambjent.

Filwaqt li staqsa jekk aħniex kapaċi npoġġu bilqegħda biex naraw fejn irridu mmorru fil-futur, innota l-ħtieġa ta’ bilanċ bejn il-bżonn ta’ bini għoli u bini f’postijiet li s’issa għadhom mhux mittiefsa, skont l-eżiġenzi tal-pajjiż fil-futur.

Dwar it-trasport, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed jevalwa inċentivi biex jintużaw aktar karozzi fit-toroq Maltin, filwaqt li t-trasport pubbliku jkun aktar effettiv.

Meta mistoqsi dwar il-possibbiltà ta’ Referendum ieħor dwar il-futur tal-Kaċċa f’Malta, hu qal li għadu kmieni wisq biex nitkellmu dwar Referendum ieħor, għalkemm appella biex id-dibattitu dwar is-suġġett jinżamm ħaj.

U dwar id-diskussjoni li għaddejja bħalissa fil-pajjiż, dwar il-Kannabis, Adrian Delia qal li hemm bżonn issir distinzjoni retta ħafna bejn l-aspett mediċinali u dak rikreattiv. B’hekk, ninsew id-differenza bejn il-kuluri politiċi u naraw x’inhu l-aħjar dwar dan is-suġġett delikat.