Lokali

Tfajla taqa’ żewġ sulari f’xaft

Tfajla ta’ 19-il sena weġġgħet gravi wara li waqgħet żewġ sulari f’xaft.

L-inċident seħħ fi blokka appartamenti fi Triq Sant’Andrija, f’San Ġiljan għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ filgħodu.

Kien dak il-ħin li l-Pulizija kienu nfurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom. Fuq il-post mar ukoll tim mediku mill-isptar Mater Dei kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li tellgħu lit-tfajla minn ġox-xaft.

It-tfajla, li hi mis-Slovakkja, ittieħdet mill-ewwel l-isptar fejn hemmhek kienet ċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.