Sport Sport Ieħor

Magħżula l-atleti Maltin għal Logħob tal-Commonwealth

Illum il-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar il-lista ta’ 25 atleta li se jkunu qed jirrapreżentaw lil Malta fil-21 edizzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth li se jsiru fil-Gold Coast fl-Awstralja.

Ix-Chef de Mission Paul Sultana ħabbar li il-kontinġent Malti se jkun magħmul minn 25 atleta, li jilħqu l-kwota allokata lil Malta mill-Federazzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth.

Mit-18-il dixxiplina sportiva preżenti fil-Logħob, l-atleti Maltin se jikkompetu fi tmien dixxiplini li jinkludu l-atletika, iċ-ċikliżmu, il-ġinnastika, il-Lawn Bowls, il-lotta, l-iSquash, l-isparar u il-weightlifting.

Id-Direttur tal-iSport Ivan Balzan iddeskriva l-proċess tal-għażla li sar permezz ta’ Minimum Qualifying Standards li kull atleta kien mistenni biex titqies għall-kwalifika tal-Logħob.

Balzan spjega li kien kuntent bil-livell ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-KOM u l-Federazzjonijiet involuti.

Il-President tal-KOM, Julian Pace Bonello żvela li l-atleta li se jġorr il-bandiera waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ se jkun il-lottatur Gary Giordmaina.

Il-kontinġent Malti se jħalli Malta għall-Awstralja fid-29 ta’ Marzu.

L-atleti Maltin li se jmorru l-Awstralja huma:
Atletika: Andrew Cassar Torregiani, Ian Paul Grech u Charlotte Wingfield
Ċikliżmu: David Treacy u Alexander Smyth
Ġinnastika: Sana Grillo
Lawn Bowls: Brendan Aquilina, Sharon Callus, Shaun Parnis, Connie-Leigh Rixon, Rebecca Rixon u Rosemary Rixon
Lotta: David Galea, Gary Giordmaina u Adam Vella
Sparar: Marlon Attard, Eleonor Bezzina, William Chetcuti, Brian Galea u Nathan Lee Xuereb
Squash: Bradley Hindle, Dianne Kellas, Colette Sultana u Daniel Zammit Lewis
Weightlifting: Yazmin Zammit Stevens