Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Id-drittijiet tal-ġenituri se jitjiebu b’mod drastiku – David Casa

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa temm l-ewwel stadju fil-ħidma tiegħu fuq id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol. David Casa hu responsabbli biex jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar din id-direttiva, u se jkun qed jirrapreżenta l-Parlament Ewropew fin-negozjati mal-Kunsill tal-Ministri.

Fi stqarrija, l-MEP David Casa qal: “Din il-liġi se tintroduċi 10 t’ijiem ta’ leave mħallas għall-missirijiet meta jkollhom wild, 4 xhur ta’ leave mħallas għal kull ġenitur sakemm il-wild jilħaq ċertu età, u 5 t’ijiem ta’ leave għal dawk li jkunu responsabbli għal min jiddependi fuqhom. Jekk din il-liġi tiġi addottata, tkun tfisser żvilupp drastiku fid-drittijiet tal-ġenituri, u b’hekk ikollha effett dirett fuq il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.”

L-għan ta’ din il-proposta hi li toħloq bilanċ aħjar bejn ir-responsabbiltajiet bejn il-missirijiet u l-ommijiet, issaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, u tindirizza d-diżugwaljanza fit-trattament u l-opportunitajiet fuq il-post tax-xogħol. Aktar minn hekk, il-liġi se tkun qed issaħħaħ ir-rwol tal-missirijiet fit-trobbija tal-familja, li fl-aħħar mill-aħħar igawdu minnha t-tfal.

“Jien qed naħdem biex din il-liġi tkun implimentata kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li fl-istess ħin, qed nassiguraw li n-negozji ma jkunux ibbumbardjati b’obbligi li din il-liġi tista’ tintroduċi,” qal David Casa.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista introduċa numru ta’ salvagwardji biex jiproteġu lin-negozji żgħar u medja, li jinkludu l-possibilità li ssir talba biex dan il-leave jkun pospost, it-tneħħija ta’ sfidi amministrattivi, kif ukoll il-fatt li l-leave jintalab minn qabel biex in-negozjanti jkunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti li hemm bżonn.
Id-direttiva tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol hi waħda mill-ewwel proposti konkreti tal-European Pillar for Social Rights. Id-direttiva se tgħin fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ xogħol fl-Unjoni Ewropea.