Lokali

Il-KSU joffri somma rekord ta’ €63,000 għall-istudenti u l-għaqdiet tal-istudenti

Il-Kunsill Studenti Universitarji matul din is-sena se jkun qed iqassam somma rekord ta’ €63,000 lill-istudenti u għaqdiet tal-istudenti f’sensiela ta’ inizjattivi.

Dan joħroġ mill-preżentazzjoni tal-programm ta’ fondi tal-KSU għas-sena 2018 – fondi li għandhom l-għan li jiftħu orizzonti ġodda għall-istudenti, jinċentivaw ir-riċerka u saħansitra jindirizzaw numru ta’ problemi li jaffaċċjaw l-istudenti u l-Università bħala istituzzjoni.

Fost dawn, il-problema tal-parkeġġ li kellha tiġi indirizzata bil-bini ta’ parkeġġ, kif imwiegħed mill-Partit Laburista iżda din hi wegħda li qatt ma mmaterjalizzat.

Issa, l-istudenti qed jieħdu f’idejhom l-inizjattivi biex itaffu din il-problema, bil-KSU jniedi fond ta’ €10,000, bi sħab mal-Malta Public Transport, biex kull student li rritorna l-permess ta’ parkeġġ tiegħu jingħata €55 kreditu għall-użu tal-karozzi tal-linja. Dan minbarra fond ieħor, sa €5,000 li jinċentiva l-użu tal-muturi minflok karozzi privat.

Biex setgħu joħorġu dawn il-fondi, il-membri tal-KSU ħadmu bla heda biex ikkonvinċew sponsors jikkollaboraw magħhom, kif ukoll tellgħu attivitajiet matul is-sena – xi ħaġa li l-Professur Alfred Vella, Rettur tal-Università, jiddeskrivi bħala eżempju għas-soċjetà.

Minbarra dawn l-inizjattivi u oħrajn, għaddejjin diskussjonijiet biex il-KSU matul din is-sena iniedi iktar proposti li jiffaċilitaw il-ħajja tal-istudenti u jassistuhom.