Futbol Sport

FILMAT: Tarxien joħorġu momentarjament miż-żona tar-relegazzjoni

Patrick Borg jipprova jimblokka kross ta' Ricardo Faria (Ritratt: James Galea)

LIJA A………………0

TARXIEN R…..….4

Lija: L. Bonnici, D. Agius, P. Borg, O. Sidibe, A. Sammut, D. Scerri, K. Hirose, R. Sammut (A. Borg 75’), N. Spiteri (C. Celis 57’), V. Hysa (L.J. Schembri 54’), R. Kooh Sohna

Tarxien: A. Cassar (D. Sciberras 82’), S. Cipriott (B. Traore 61’), A. Mitrev, S. Radovanovic, A. Scicluna, L. Grech, G. Aquilina, E. Calin, W. de Oliveira (M. Brincat 73’), R. Faria, S. Tounkara

Imwissija: P. Borg 12’, D. Scerri 67’ (L)

Skorjaw: A. Scicluna 17’, S. Tounkara 31’, 40’, G. Aquilina 79’ (T)

Referee: Jude Amin Utulu

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, William Debattista

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Samba Tounkara (Tarxien Rainbows)

Attendenza: 86

Tarxien Rainbows kisbu rebħa importanti meta għelbu lil Lija Athletic 4-0 biex qabżu momentarjament lil St. Andrews u Naxxar Lions fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni. Lija fuq in-naħa l-oħra huma kważi uffiċjalment relegati u f’każ ta’ rebħa għal Naxxar illum, tpoġġi lil Lija lura fl-ewwel diviżjoni.

It-Tarxiniżi għalqu l-logħba fl-ewwel taqsima bi tliet gowls li bihom setgħu jikkontrollaw il-logħba mingħajr problemi. Il-kowċ Jose Borg għamel żewġ bidliet mit-telfa kontra Valletta bid-difensur Baker ikun sospiż filwaqt li Sean Cipriott beda flok Andrew Agius. Lija li tilfu kontra Birkirkara fl-aħħar logħba kienu mingħajr McAllister Clinch u fost l-aktar plejers importanti Erjon Beu.

Lija kellhom bidu tajjeb u fl-ewwel minuti kellhom tentattivi ta’ Hysa u Hirose li impenjaw lill-gowlkiper ta’ Tarxien Andrea Cassar. Tarxien bdew iżidu ftit ftit u mal-kwarta logħob xutt fil-baxx ta’ Samba Tounkara kien salvat minn Luke Bonnici.

Iżda It-Tarxiniżi fetħu l-iskor wara 17-il minuta meta xutt ta’ Ricardo Faria kien salvat parzjalment minn Luke Bonnici, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ Andre SCICLUNA li skorja min-naħa leminija. Tarxien setgħu jirdoppjaw ftit minuti wara b’Tounkara jqabbeż fuq Luke Bonnici iżda t-tentattiv għadda ftit barra.

Lija pruvaw joħorġu aktar biex iġibu d-draw, iżda konsegwenza ta’ dan spiċċaw infetħu aktar fid-difiża, b’konsegwenza li fil-31 minuta, Samba TOUNKARA kompla għal ġewwa wara li rċieva kross mil-lemin ta’ Faria. Ħames minuti qabel il-ħin tal-mistrieħ, Tarxien prattikament għalqu l-logħba meta reġa’ kien Samba TOUNKARA li rċieva mingħand Gabriel Aquilina u għeleb lil Bonnici b’konklużjoni fil-baxx.

Bil-partita deċiża, Tarxien naqsu mir-ritmu tagħhom minkejja li baqgħu jiddominaw, filwaqt li Lija pruvaw iżommu l-iskor baxx kemm jista’ jkun. Huma xorta kellhom żewġ okkażjonijiet oħra, b’xutt ta’ Tounkara li kien imċaħħad mill-mimduda, filwaqt li daqqa ta’ ras ta’ Ricardo Faria għaddiet ftit barra ftit qabel is-siegħa logħob.

It-tim ta’ Jose Borg issiġilla r-rebħa għaxar minuti mit-tmiem. Luke Bonnici salva parzjalment xutt tas-sostitut Matthew Brincat, b’Gabriel Aquilina jiskorja r-raba’ gowl b’konklużjoni fl-arja li għelbet lill-gowlkiper ta’ Lija.