Lokali

Illejla mistennija jinħatru Sindku u Viċi Sindku ġodda fil-Kunsill ta’ San Pawl

Fil-Laqgħa tal-Kunsill lokali tal-lejla ta’ San Pawl il-Baħar mistennija jinħatru Sindku u Viċi Sindku ġodda.

Dan se jsir wara li l-Gvern ammetta r-raġun li l-Partit Nazzjonalista kien ingħata permess tal-Qorti. Filfatt, il-Partit Nazzjonalista, permezz tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, kien ressaq mandat ta’ inibizzjoni biex iwaqqaf lill-Gvern u lill-Partit Laburista milli jaħtfu f’idejhom il-Kunsill Lokali wara r-riżenja tal-eks Sindku Graziella Galea fl-10 ta’ Jannar li għadda.

Dan peress li skont il-liġi, fil-każ ta’ riżenja, il-post ta’ Sindku għandu jimtela’ mit-tieni l-aktar kandidat tal-istess partit li jkun ġab voti. Il-mandat ta’ inibizzjoni kien intlaqa’ temporanjament mill-Qorti, u ftit wara, il-Partit Nazzjonalista kien ressaq rikors b’mod formali biex il-każ jinstema’ fil-Qorti u jkun deċiż b’mod permanenti.

Wara li tressaq ir-rikors, il-Gvern kien ħareġ stqarrija li fiha kien aċċetta r-raġun li kien qed jingħata l-Partit Nazzjonalista bil-Qorti.

Il-Partit Nazzjonalista kien ilu kważi tliet xhur jiġġieled biex is-Sindku u l-Viċi Sindku li jmiss ta’ San Pawl il-Baħar ikunu magħżula skont r-rieda tal-maġġoranza tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar kif espress fl-elezzjoni lokali tal-2015.

Grazziella Galea irriżenjat minn Sindku fl-10 ta’ Jannar li għadda u ddikjarat li għamlet dan sabiex ir-residenti ma jibqgħux ostaġġi tal-mibgħeda u l-kilba għall-poter. Aktar qabel kien irriżenja l-Viċi Sindku David Thake.

FILMAT: Graziella Galea tirriżenja minn Sindku ta’ San Pawl il-Baħar “sabiex ir-residenti ma jibqgħux ostaġġi tal-mibgħeda u l-kilba għall-poter”