Internazzjonali

L-UE tevalwa miżuri ġodda għall-kontroll tal-immigrazzjoni

L-Unjoni Ewropea qed tikkalkula l-miżuri ġodda biex iwaqqfu lill-immigranti milli jaslu fl-ixtut tal-Ewropa, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Madankollu, l-Unjoni tibqa’ maqsuma dwar kif għandha taqsam ir-responsabbiltà għall-immigranti li huma intitolati li jibqgħu fl-Ewropa.
Il-Ministri għall-Intern tal-UE, ilbieraħ, iddiskutew il-passi biex isaħħu lill-fruntieri esterni tal-UE waqt li l-Ġermanja u l-Awstrija insistew biex itawwlu l-proċess għall-eżaminar tal-identitajiet kif ukoll għal sistema li tikkontrolla aħjar il-moviment tal-immigranti fiz-zona ta’ Schengen ( iz-zona Ewropea li tippermetti l-ivvjaġġar mingħajr ħtieġa ta’ passaporti).
L-immigrazzjoni illegali naqset b’mod sinifikattiv mindu ‘il fuq minn miljun immigranti mhumiex awtorizzati kienu daħlu fl-Ewropa fl-2015. Madankollu, ir-rebbiegħa mistennija twassal għal aktar movimenti ta’ immigranti lejn l-Ewropa u l-Ministri tal-UE huma konxji ħafna mill-impatt tal-kwistjoni tal-immigrazzjoni għall-aħħar elezzjoni ġenerali fl-Italja, li ntrebħet minn żewġ partiti ewroxettiċi.
Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk l-Ewropa għandhiex bżonn sistema ta’ kwoti biex tiddistribwixxi mill-ġdid lir-refuġjati mill-pajiżi (primarjament l-Italja u l-Greċja) li ntlaqtu l-agħar mill-movimenti tal-immigranti, tant għadha sensittiva li ma tressqitx għal diskussjoni fost il-Ministri Ewropej għall-Intern.
Il-Ministru Olandiż għall-Immigrazzjoni, Mark Harbers, qal li r-rilokazzjoni tar-refuġjati tinvolvi ‘problema kbira li teħtieġ soluzzjoni’. Hu wissa li fin-nuqqas ta’ sistema biex ittaffi l-piż għall-Istati Ewropej li qed ibatu l-aktar mill-influss tal-immigranti, ‘se jkun hemm sitwazzjoni ġdida fejn l-Istati-membri kollha tal-UE jieħdu l-miżuri kontroproduttivi fil-każ ta’ kriżi kbira ( tal-immigranti) simili għal ta’ tliet snin ilu’.
L-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka huma kontra l-kwoti għar-refuġjati li qed jiċħduha bħala sistema imposta fuqhom kontra r-rieda tagħhom mill-burokratiċi tal-UE. Intant, il-Mexxejja tal-UE insistew li l-kwistjoni magħrufa bħala ‘burdon sharing’, li tirrifletti l-valuri tal-Ewropa, trid tkun riżolta sas-sajf li ġej.